Il-‘King’ ta’ Paceville għadu fil-periklu tal-mewt

Rapporti jgħidu li lbieraħ filgħaxija Hugo kellu jiġi operat mill-ġdid

Hugo Chetcuti
Hugo Chetcuti

Hugo Chetcuti, il-‘King’ ta’ Paceville (għax prattikament nofsu tiegħu) għadu rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei wara li nhar il-Ġimgħa li għadda, tard filgħaxija, qala' daqqa ta’ sikkina minn raġel, bl-ewwel indikazzjonijiet ikunu li Chetcuti kien jafu.

Skont rapporti fuq midja lokali, ilbieraħ filgħaxija Hugo Chetcuti kellu jiġi operat mill-ġdid madanakollu kelliem għall-Pulizija qal mal-gazzetta ILLUM li għalissa ma jistax jikkonferma. 

X'ġara eżatt il-Ġimgħa filgħaxija?

L-allegat aggressur huwa raġel Serb, jismu Bojan Cmelik u għandu 35 sena

Jidher illi quddiem l-istabbiliment ‘Seafood and Cocktail’ Cmelik attakka lill-intraprenditur, li kellu jiddaħħal l-isptar u kien f’qagħda kritika għal ħafna mil-lejl.

Cmelik ħarab jiġri minn fuq il-post u għaldaqstant, il-Pulizija tad-Distrett flimkien ma’ dawk mir-Rapid Intervention Unit bdew tfittxija intensiva sabiex jinstab. Iktar tard, il-Pulizija qabdet lill-allegat aggressur, għalkemm mhux qabel ma fil-fatt dan kien irnexxielu jaħrab darbtejn, darba ħdejn it-telgħa tal-Balluta u darba oħra quddiem l-Exiles.

Waqt dan l-arrest, is-suspettat ma bediex jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija u saħansitra beda jaggredihom u anki kkawżalhom ġrieħi ħfief. Minħabba f’hekk, il-Pulizija kellha tuża t- taser sabiex ir-raġel seta’ jiġi mrażżan u kkontrollat. Minn tfittxija li saret fuq il-persuna tiegħu, irriżulta li r-raġel kien armat b’arma li taqta’ u bil-ponta. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura minħabba li kellu xi ġrieħi u wara li ġie rilaxxat, ġie eskortat lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-iktar stħarriġ.

Intant is-Sibt filgħodu Cmelik tressaq il-Qorti u ffaċċja erba’ akkużi. Dawn huma 1) attentat ta’ qtil jew inkella li jpoġġi ħajjet Hugo Chetcuti fil-periklu, 2) li attakka jew offenda lill-Pulizija, 3) li hedded pulizija bil-ħsieb li jbeżżgħu u 4) li ma obdiex l-ordnijiet mogħtija lilu mill-Pulizija.

Cmelik wieġeb mhux ħati u ma ngħatax ħelsien mill-arrest anke jekk  fil-fatt id-difiża lanqas biss talbitha.

Kif bena l-imperu...

Hugo Chetcuti jibqa’ xi ftit ta’ faxxinu għal dawk kollha li jmorru Paceville anke jekk maġistrat darba ddiskrevieh bħala ‘karattru dubjuż’.

Jekk tinżel tara film, issib stabbiliment fejn tista’ ssib il-Burgers li huma tiegħu, bl-ittra ‘H’ tiddomina saħansitra fuq is-srievet tal-karti li tuża biex tnaddaf idejk. Malli toħroġ issib Hugo’s Terrace u ftit ’il fuq l-klabb popolari Havana, tiegħu ukoll. 

 Imma minn fejn beda l-imperu ta’ Hugo? Beda fis-snin 90 bil-ftuħ tal-istabbiliment Footloose, post li kien u għadu popolari speċjalment ma’ numru kbir ta’ turisti żgħażagħ u studenti li jiġu jitgħallmu l-Ingliż. Minn hemmhekk kiber biex illum huwa sid ta’ ħafna stabbilimenti, uħud li isimhom huwa fil-fatt ismu bħal dawn li diġà semmejna u oħrajn li m’għandhomx dik il-famuża ‘H’ imwaħħla magħhom imma xorta huma jew inkella kienu tiegħu, bħal Bar Native, Shadow Lounge u Club 121.

Bojan Cmelik akkużat bl-attentat ta' qtil ta' Hugo
Bojan Cmelik akkużat bl-attentat ta' qtil ta' Hugo

‘Karattru dubjuż...’

Il-passat ta’ Chetcuti huwa pjuttost ikkulurit. Minn dak ta’ qabel ma beda jiftaħ in-negozji tiegħu għal kwistjonijiet iktar riċenti illi fihom kien imdaħħal kemm ilu sid ta’ dawn in-negozji.

Fost dawn, Chetcuti ssemma fir-rapport li għamel l-eks Maġistart Michael Mallia li kien iddeskriva lil Chetcuti bħala ‘karattru dubjuż... b’rekord twil... mimli ksur kontinwu tar-regolazzjonijiet relatati mal-istabbilimenti tad-divertiment.’ Ir-rapport tal-eks Maġistrat kien dwar investigazzjoni fl-involviment tal-eks Spettur tal-Pulizija Daniel Zammit (it-tifel tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit) fl-investigazzjoni fil-qtil ta’ Neville Baldacchino. L-eks Maġistrat kien qal illi ma kienx prudenti illi Zammit flimkien ma’ spettur ieħor tal-Pulizija jkunu jidhru fil-kumpanija ta’ Chetcuti “b’mod regolari.”

Min-naħa tiegħu l-intraprenditur miljunarju kien qal li dawk ta’ Mallia kienu “insinwazzjonijiet barra minn posthom, bla bażi u malafamanti...”

Il-każ ta’ Plus One

Isem Chetcuti reġa’ deher, għal darb’oħra mhux wisq fil-pożittiv, fil-każ tal-inċident Plus One, meta folla ta’ nies tipprova toħroġ mill-klabb wasslet biex jitkisser u jaqa’ l-puġġaman tal-ħġieġ. Dan wassal biex 14-il persuna weġġgħu gravi filwaqt li 80 sofrew minn ġrieħi ħfief. Kien hemm żewġ tfajliet li saħansitra kienu f’qagħda kritika għal xi żmien.

Fuq dan il-każ tressqu 23 persuna, fosthom Hugo Chetcuti, li kienu akkużati li kkawżaw ġrieħi minħabba negliġenza, li naqsu milli jassiguraw is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk li kienu fil-klabb, li ma ħadux il-passi meħtieġa biex il-ħruġ tal-emerġenza jkun fi stat tajjeb, li naqqsu milli jassiguraw li l-bibien tal-emerġenza ma jkunux imsakkrin, li kienu qed jimpjegaw persuni kontra l-liġi, li kienu qed jużaw servizzi ta’ bouncers mhux liċenzjati u li kienu biddlu l-liċenzja ta’ stabbiliment, mingħajr il-kunsens tal-Awtorità tat-Turiżmu.

Intant iktar kmieni din is-sena stess Chetcuti reġa’ spiċċa quddiem il-Qorti, wara li tliet żgħażagħ weġġgħu f’inċident illi kien jinvolvi nar mill-‘cocktail’ li jismu ‘Flaming Lambhorgini’. Wieħed miż-żgħażagħ kien saħansitra spiċċa l-ITU. L-Avukat ta’ Chetcuti, Joe Giglio kien spjega li dak li ġara kien “inċident sfortunat” u li l-barman kien kompletament ikkwalifikat.

Ħajja ta’ miljunarju...

Hugo huwa wkoll wieħed mill-aktar persuni sinjuri f’dan il-pajjiż. Jgħix f’dar qisha palazz li trid il-miljuni kbar biex tixtriha.

Persuni li ġieli kienu fid-dar partikolari spjegaw kif ir-residenza ta’ Chetcuti fiha żewġ pixxini, waħda barra u oħra ġewwa. Xħin tidħol issib kamra kbira ħafna b’pixxina fin-nofs bil-możajk u xħin tħares ’il fuq tara l-gallariji, viċin ħafna għal dak li naraw f’lukandi diversi.

Dawk li kellmu din il-gazzetta qalu illi l-pixxini fihom pontijiet u kaskati. Għandu kċina enormi, gym u ċinema kif ukoll numru kbir ta’ kmamar tas-sodda. 

Il-proprjetà ta’ Hugo hija mifhuma li li tiswa miljuni kbar.

Chetcuti jibqa’ suġġett ta’ ħafna xnigħat u miti urbani, fosthom dwar stejjer relatati ma’ droga, dak li għandu u m’għandux id-dar kif ukoll dwar il-finanzjament tal-kampanja favur il-kaċċa fir-rebbiegħa.

More in Kronaka