ARA | Abela jgħid li l-qafas il-ġdid tal-budget tal-UE fih aspetti pożittivi għal Malta
Il-Prim Ministru jgħid li Malta se tibqa’ tiddefendi l-fondi għall-koeżjoni, l-agrikoltura u s-sajd • Il-Presidenza Irlandiża pproponiet budget ta’ €1.62 triljun għall-perjodu 2028-2034, €141 biljun inqas mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-qafas il-ġdid għan-negozjati dwar il-budget fit-tul tal-Unjoni Ewropea fih elementi pożittivi għal Malta, iżda saħaq li għad fadal negozjati diffiċli qabel jintlaħaq ftehim finali.
Meta tkellem mal-midja barra l-Parlament it-Tlieta, Abela qal li Malta se tkompli tinsisti fuq tliet prijoritajiet ewlenin: il-fondi għall-koeżjoni, l-agrikoltura u s-sajd.
Il-kummenti saru qabel is-summit tal-Kunsill Ewropew ta’ din il-ġimgħa, fejn il-mexxejja tal-UE mistennija jiddiskutu l-Multiannual Financial Framework għall-perjodu 2028-2034 u jagħtu direzzjoni politika biex jitkomplew in-negozjati. L-għan tal-Presidenza Irlandiża huwa li jintlaħaq ftehim politiku sal-aħħar tal-2026.
Nhar is-Sibt, il-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill tal-UE ppreżentat qafas rivedut għan-negozjati li jipproponi budget ta’ €1.62 triljun, bi tnaqqis ta’ €141 biljun, jew 8%, meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea.
Abela qal li l-ewwel prijorità għal Malta hija li l-allokazzjoni għall-politika ta’ koeżjoni ma tiġix affettwata b’mod negattiv.
Huwa qal li Malta bbenefikat minn diversi proġetti ffinanzjati permezz ta’ dawn il-fondi, inkluż f’oqsma soċjali u setturi oħra meqjusa bħala prijorità għall-pajjiż.
It-tieni prijorità, qal Abela, hija l-finanzjament għall-agrikoltura biex jingħata appoġġ lill-bdiewa, filwaqt li s-sajd huwa t-tielet qasam li Malta trid tipproteġi.
Malta kienet diġà ngħaqdet ma’ 16-il stat membru ieħor f’ittra konġunta li appellat biex ma jsirx aktar tnaqqis fil-fondi għall-koeżjoni u l-agrikoltura fil-budget il-ġdid tal-UE.
Abela qal li se jibqa’ jinsisti fuq dawn ir-“red lines” matul in-negozjati, u sostna li diġà kellu opportunità jqajjem il-pożizzjoni Maltija f’diskussjonijiet ma’ mexxejja oħra.
Huwa ddeskriva l-qafas il-ġdid bħala pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba għal Malta, wara x-xogħol li kien sar taħt il-Presidenza Ċiprijotta.
Madankollu, qal li n-negozjati qed isiru f’kuntest ekonomiku diffiċli.
Abela qal li dan huwa t-tieni budget fit-tul tal-UE li qed jinnegozja f’isem Malta. L-ewwel wieħed kien ġie diskuss waqt il-pandemija tal-COVID-19, iżda sostna li din id-darba l-isfidi huma akbar minħabba l-kriżi tal-enerġija u l-infiq tal-UE marbut mal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Minkejja dan, huwa qal li jemmen li l-indikazzjonijiet li qed joħorġu min-negozjati jistgħu jwasslu għal ftehim bejn il-mexxejja Ewropej sa Diċembru.
Jaelle Borg hija studenta tat-tielet sena fil-Kriminoloġija u ġurnalista ma' din il-gazz...