Il-ġenituri ta' tifla ta' seba' snin, li ttieħdet minn taħt il-kustodja tagħhom f'Diċembru fuq suspett ta' abbuż mill-mod kif kienet tilgħab bil-pupi, sejħu lill-awtoritajiet biex jew jagħmlu akkużi fli-konfront tagħhom u jressquhom jew inkella jirritornaw lit-tifla għandhom.
Fi Protest Ġudizzjarju kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġenituri qalu illi saru jafu illi l-Pulizija kellhom suspetti fihom nhar it-12 ta' Diċembru 2016, jew l-istess ġurnata illi fiha ttieħedet it-tifla mill-kustodja tagħhom.
Jirriżulta li t-tifla tpoġġiet taħt il-kura ta' foster carers. Il-ġenituri qed jallegaw li dan kollu sar mingħajr ma ntqal lilhom u biss minħabba l-mod kif hi kienet qed tilgħab bil-pupa tagħha. Huma qed jinnegaw bil-qawwa kollha l-akkuża illi huma b'xi mod abbużaw minn binthom stess u qalu wkoll li kienu kkoperaw mal-Pulizija bit-tama illi l-proċess ikun aktar veloċi u jirritornaw lura għall-ħajja normali tagħhom. Huma qalu li kienu qed jikkoperaw ukoll mas-Social Worker li kienet mqabbda biex tieħu ħsieb il-każ.
Il-ġenituri, fil-protest, qalu illi ilhom ma jkollhom kuntatt ma' binthom sa minn Diċembru. Qalu wkoll illi riċentement membru tal-familja kien ra lit-tifla ma' mara f'Għawdex.
L-istat għandu jagħmel sforz biex isib metodi oħrajn biex jipproteġi lit-tfal u mhux juża metodi goffi li kissru lil din il-familja
"Mhux aċċettabbli li inkjesta dwar tifla ta' seba snin li kienet qed tilgħab b'pupa ma kinitx konkluża wara 80 jum...huwa ċar illi l-istat ma' ssalvagwardjax kontra t-tkissir tal-familja tagħna. L-istat," ikomplu l-ġenituri, "għandu jagħmel sforz biex isib metodi oħrajn biex jipproteġi lit-tfal u mhux juża metodi goffi li kissru lil din il-familja."
Filwaqt li tfakkar fil-preżenzjoni tal-innoċenza l-protest jfakkar ukoll illi jkun xi jkun l-eżitu tal-proċess ġudizzjarju, it-tifla xorta sofriet minn trawma u ħsara rreperabbli minħabba li kienet maqlugħa minn familtha u mġiegħla tgħix mal-barranin. "Ċertament dan ma sarx fl-aħjar interess tat-tifla," itemm jgħid il-Protest.
L-Avukati David Camilleri u Joseph Gatt iffirmaw il-portest