Ir-riħa tat-tewm wasslet biex jinqabad traffikant tad-droga f’Pozzallo qabel ġie Malta

Raġel mill-Ghana ta’ 41 sena inqabad għax kellu riħa qawwija ta’ tewm

Il-pulizija ta’ Raguża arrestaw raġel ta’ 41 sena mill-Ghana, Simon Moses li jgħix Campania meta kien qed iġorr 1.1 kilos ta’ marijuana li kienet destinata għas-suq Malti.

Il-pulizija kienet waqt rutina tiċċekkja lil dawk li kienu telgħin fuq il-Katamaran għal Malta minn Pozzallo meta l-attenzjoni tagħhom marret fuq raġel li kellu riħa qawwija ta’ tewm.

Fil-fatt, it-tewm huwa magħruf li jintuża biex jgħatti r-riħa tad-droga sabiex il-klieb ma jkunux jistgħu jxommuha. Din ir-riħa kienet fuq dan ir-raġel li kien fil-kju jistenna u meta ntalab id-dokumenti deher nervuż.

Meta fetħulu l-bagalja, instabu żewġ pakketti kbar ġo kaxxa u fiha kien hemm taħlita ta’ peperoncino u tewm. Hu ammetta li kien se jġibhom Malta fejn kellu jkun hemm xi ħadd jistennieh biex jeħodhom u jittraffikahom.

More in Kronaka