Dawk li ngidmu bil-Fantasy Tours se jingħataw kumpens

'Bil-koperazzjoni ta’ Ministri tal-Gvern, fosthom il-Prim Ministru, Il-Ministru Dr E Zammit Lewis u l-Ministru Dr H Dalli, solvejna din il-problema mingħajr ma kellna l-bżonn li nitilgħu l-Qorti' - L-Għaqda tal_Konsumatur

 

Bħal ma tħabbar il-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament, il-Gvern laqa’ t-talba tal-Għaqda tal- Konsumaturi biex dawk il-konsumaturi li kienu sofrew danni meta kienu bbukkjaw travel package mal-Fantasy Tours u din għalqet il-bibien tagħha, jingħataw kumpens. 

L-Għaqda kienet daħlet biex tiddefendi dawn il-konsumaturi li jlaħħqu l-mijiet għaliex kienu, tista’ tgħid, abbandunati minn kulħadd. L-Għaqda għamlet din it-talba lill-Gvern għaliex l- Istat Malti kien fl-obbligu tiegħu li jwaqqaf Insolvency Fund biex jagħti kumpens meta kumpanija li toffri servizz ta’ package tours tagħlaq il-bibien tagħha mingħajr avviż. Tajjeb li nfakkru li l-Parlament Malti kien għadda din il-Liġi fl-1999 iżda minkejja dan, amministrazzjonijet preċidenti ħallew din il-parti tal-Liġi fuq l-ixkaffa u l-konsumaturi baqgħu mingħajr ħarsien. Li kieku din il-parti tal-Liġi daħlet fis-seħħ, kieku dawn il-konsumaturi kienu jieħdu l-flus lura immedjatament. 

L-Għaqda kienet, f’isem dawn il-konsumaturi, għamlet talba lill-Gvern biex jagħti kumpens lil dawn il-konsumaturi. Issa, bil-koperazzjoni ta’ Ministri tal-Gvern, fosthom il-Prim Ministru, Il-Ministru Dr E Zammit Lewis u l-Ministru Dr H Dalli, solvejna din il-problema mingħajr ma kellna l-bżonn li nitilgħu l-Qorti li żgur, barra flus, kienet tinvolvi ħafna aktar żmien. 

L-Għaqda tixtieq turi wkoll is-sodisfazzjon li fl-aħħar, wara aktar minn sittax-il sena li l- Parlament kien approva t-twaqqif ta’ dan il-fond, l-Insolvency Fund issa twaqqaf u konsumaturi futuri għandhom id-drittijiet tagħhom imħarsa.

More in Kronaka