Fil-prezz tad-diesel qed tinħonoq il-kompetizzjoni

L-Għaqda tal-Konsumatur imħassba li jkun hemm ftehim bejn stazzjonijiet tal-fjuwil li ma jistgħux iraħħsu

Din il-ġimgħa l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fl-MCCAA ħareġ id-deċiżjoni dwar il-każ fejn sid ta’ petrol station raħħas il-prezz tad-diesel lill-konsumaturi u ffaċċja pressjoni biex dan il-prezz jerġa’ jgħollih.

Id-deċiżjoni sabet li kien hemm ksur tal-Liġi tal-Kompetizzjoni meta sar ftehim bejn is-sid tal-pompa tal-petrol u l-kumpanija San Lucian Oil Company Ltd li tagħmel parti minn Falzon Group Holding Limited. Dan il-ftehim instab li indirettament qed jiffissa l-prezz li l-petrol station kellha tbigħ id-diesel bil-ħsieb li l-kompetizzjoni f’dan is-suq, bi ħsara għall-konsumaturi, tkun ristretta. L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni qal li ma kellu l-ebda intenzjoni li jwaħħal multa lill-petrol station peress li din ippruvat toħloq il-kompetizzjoni u sabet tfixkil. Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju kellu l-ħsieb li jwaħħal multa lil Falzon Group iżda m’għamlix dan minħabba d-deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali li ngħatat f’Mejju li għadda.

L-Għaqda tal-Konsumaturi hi mħassba minħabba din id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni għal dawn ir-raġunijiet:

1. Din id-deċiżjoni qed turi li fil-prattika idejn l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni llum effettivament huma marbuta bir-riżultat li l-kumpaniji jistgħu mingħajr skruplu u biża’ ta’ xejn joħolqu sitwazzjonijiet li joħonqu l-kompetizzjoni bi ħsara għall-interessi tal- konsumaturi għaliex jafu li dan l-Uffiċċju llum prattikament ma jista’ jagħmel xejn. L- Għaqda għalhekk qed tħeġġeġ lill-Gvern sabiex jew jirranġa l-liġi tal-Kompetizzjoni biex tkun konformi mad-deċizjoni tal-qorti kostituzzjonali jew jirranġa l-Kostituzzjoni biex dan l-Uffiċċju jerġa’ jkollu l-poteri li jwaħħal multi sura ta’ nies lil min jikser il-liġi.

2. Li dan l-Uffiċċju meta ra li kien hemm ksur tal-liġi ma ħax interim measures sabiex jassigura li din il-petrol station setgħet tkompli traħħas il-prezz tad-diesel biex tinħoloq kompetizzjoni u l-interessi tal-konsumaturi jiġu protetti.

3. Li dan l-Uffiċċju llimita ruħu li jinvestiga dan il-każ biss. Tajjeb li nfakkru li l-Għaqda meta kienet talbet biex dan l-Uffiċċju jinvestiga dan il-każ, kienet talbet lill-Uffiċċju sabiex jinvestiga dan is-suq kollu. Konna għidna li dan il-każ hu biss is-sintomu ta’ dak li qed jiġri f’dan is-suq. Stennejna li l-Uffiċċju meta sab dan it-tip ta’ ftehim illi jinvestiga l- ftehim li hemm bejn il-kumpaniji li jissuplixxu lill-petrol stations kollha u jara jekk dawn jmorrux kontra l-Liġi tal-Kompetizzjoni.

L-Għaqda temmen li dan il-ftehim ma kienx uniku u hu minħabba f’hekk li dan is-suq mhux kompetittiv.

Ir-realtà hi li din id-Deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni llum qed turi l-limitazzjonijiet serji li hemm fuq dan l-Uffiċċju. Barra minn hekk qed turi li minkejja din id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal- Kompetizzjoni l-affarijiet fir-realtà jistgħu jkomplu għaddejjin bħal qabel qisu ma ġara xejn.

More in Kronaka