“L-Awtorità tal-Ippjanar għaddiet romblu minn fuq il-Kunsill u r-residenti” – is-Sindku tas-Siġġiewi dwar il-krematorju

Is-Sindku Ryan Cachia jgħid li l-Kunsill ma kellu l-ebda kuntatt mal-iżviluppaturi jew mal-Gvern dwar il-proġett, filwaqt li jqajjem tħassib dwar in-nuqqas ta’ studju fuq it-tixrid tal-emissjonijiet fl-inħawi 

Is-Sindku tas-Siġġiewi, Ryan Cachia, ikkritika bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tapprova l-bini ta’ krematorju f’Ta’ Brija, u sostna li l-proċess mexa ’l quddiem minkejja l-oġġezzjonijiet tal-Kunsill Lokali u r-residenti.  

F’kummenti lil din il-gazzetta, Cachia saħaq li l-Kunsill ilu jopponi l-proġett minn meta nfetħet il-konsultazzjoni pubblika, u spjega li f’Ġunju li għadda l-kunsilliera kienu approvaw mozzjoni unanimament kontra l-iżvilupp propost.  Huwa għamilha ċara li l-oġġezzjoni tal-Kunsill mhijiex kontra l-kremazzjoni bħala alternattiva għad-dfin tradizzjonali, iżda kontra l-post magħżul għall-bini tal-faċilità.  

“Aħna kontra l-post fejn se jinbena, mhux kontra l-prinċipju tal-kremazzjoni,” qal Cachia.  Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar ittieħdet fit-8 ta’ Ottubru, meta l-Bord approva l-proġett b’seba’ voti favur u tnejn kontra.

Cachia kien fost iż-żewġ membri li vvutaw kontra l-applikazzjoni.  Il-proġett, propost mill-imprenditur Mario Tonna, se jkun jinsab fuq art barra ż-żona tal-iżvilupp, biswit iċ-ċimiterju storiku ta’ Ta’ Brija.  

L-ebda kuntatt mal-iżviluppaturi jew mal-Gvern  

Mistoqsi jekk il-Kunsill kellux xi diskussjonijiet mal-iżviluppaturi wara l-kontroversja li qamet dwar il-proġett, Cachia qal li ma kien hemm l-ebda kuntatt bejniethom.  

Spjega li l-Kunsill lanqas ma għandu interess li jiltaqa’ mal-iżviluppaturi, hekk kif il-prijorità tiegħu tibqa’ li jirrappreżenta l-interessi tar-residenti li qed jesprimu tħassib dwar il-proġett.

Is-Sindku żied li lanqas mill-Gvern ma kien hemm komunikazzjoni diretta mal-Kunsill dwar il-krematorju, ħlief għall-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħa tal-Bord tal-Ippjanar li fiha ġiet diskussa l-applikazzjoni.  

“Weġġgħetna ħafna li l-ERA ma oġġezzjonatx”

 Waħda mill-akbar preokkupazzjonijiet tas-Sindku hija l-mod kif l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) trattat l-applikazzjoni.  

Cachia qal li l-fatt li l-ERA ma ressqitx l-oġġezzjonijiet tagħha fi żmien it-30 jum mogħtija għall-konsultazzjoni wassal biex in-nuqqas ta’ risposta tagħha ġie interpretat bħala nuqqas ta’ oġġezzjoni għall-proġett.  

“Il-fatt li l-ERA ma tatx oġġezzjoni fiż-żmien li kellha weġġagħna ħafna,” qal is-Sindku, filwaqt li sostna li f’każ ta’ din ix-xorta l-awtorità għandha dmir li tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar l-impatt ambjentali.  

Skont Cachia, il-kwistjoni mhijiex sempliċement jekk l-ERA kellhiex id-dritt tikkummenta, iżda r-responsabbiltà tagħha li tagħti l-parir tekniku tagħha dwar proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet fuq l-ambjent u l-komunità tal-madwar.  

Tħassib dwar l-emissjonijiet u żoni frekwentati mit-tfal

Is-Sindku qajjem ukoll tħassib dwar in-nuqqas ta’ studju dwar it-tixrid tal-emissjonijiet fl-arja, magħruf bħala dispersion modelling study, bħala parti mill-evalwazzjoni tal-proġett.  

Huwa spjega li studju bħal dan huwa importanti biex jiġi stabbilit kif l-emissjonijiet mill-krematorju jistgħu jinfirxu skont id-direzzjoni tar-riħ, u x’impatt potenzjali jista’ jkun hemm fuq l-għelieqi u r-residenzi fil-viċinanzi.  

Cachia semma b’mod partikolari xenarju fejn ir-riħ ikun ġej mill-Majjistral, li skontu jista’ jwassal l-emissjonijiet fid-direzzjoni taż-żona urbana tas-Siġġiewi.  

Huwa rrimarka li f’din iż-żona hemm diversi faċilitajiet rikreattivi, fosthom il-gym fil-miftuħ, il-bandli u l-grawnd tal-futbol, li jintużaw regolarment mit-tfal u l-adolexxenti.  Filwaqt li esprima tħassib dwar ir-riskji potenzjali,

Cachia saħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar studji tekniċi biex ir-residenti jkollhom stampa ċara tal-effetti li jista’ jħalli l-proġett fuq l-inħawi.  

Il-Kunsill se jikkontesta l-approvazzjoni

 Il-kummenti tas-Sindku jaslu wara li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ddeċieda li jappella mid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar u jitlob is-sospensjoni tal-permess sakemm jinstema’ l-appell.  

Din id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa urġenti tal-Kunsill, li fiha l-kunsilliera reġgħu esprimew l-oppożizzjoni unanima tagħhom għall-proġett.  Il-kontroversja dwar il-krematorju tqajjem ukoll mistoqsijiet dwar il-mod kif il-proġett ġie evalwat mill-Awtorità tal-Ippjanar, hekk kif l-applikazzjoni ġiet ikkunsidrata bħala estensjoni taċ-ċimiterju eżistenti, minflok bħala krematorju indipendenti.  

Għal Cachia, il-kwistjoni tibqa’ waħda ta’ rappreżentanza u ta’ rispett lejn il-komunità lokali, hekk kif sostna li t-tħassib tar-residenti u l-pożizzjoni tal-Kunsill ma ngħatawx il-piż li kien jistħoqqilhom fil-proċess tal-ippjanar.

More in Kronaka