Ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga flimkien mas-Sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija permezz tal-kelb Ceaser, tat il-frott hekk kif instabu madwar erba' kilos pjanta tal-kannabis.
L-imsemmija sejba saret wara ħidma fit-tul li bdiet minn Sqallija. It-tfittxija ġewwa pajjiżna bdiet hekk kif il-vettura li fiha nġarret u nstabet id-droga niżlet minn fuq vapur tal-passiġġieri. Il-karozza kienet misjuqa minn mara Maltija ta’ 41 sena residenti Ħal Luqa.
Żewġt irġiel ta’ nazzjonalità Niġerjana ta’ 27 u 28 sena rispettivament u residenti Ħal Luqa wkoll, ġew arrestati b’rabta mal-każ.
Dawn it-tliet persuni tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa b’akkużi ta’ importazzjoni, pusses u assoċċjazzjoni sabiex isir reat. Il-mara ta’ 41 sena ingħatat il-libertà proviżorja, filwaqt li ż-żewġ irġiel ta’ nazzjonalità Niġerjana nżammu taħt arrest preventiv.