Flus, flus u iktar flus: Kif il-partiti jużaw il-flus fil-but biex jirbħu l-voti
Fi ġlieda biex jirbħu l-vot tal-elettorat, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista qed jimlew il-kampanja b’wegħdiet ta’ bonusijiet, tnaqqis fit-taxxa u għotjiet li jħallu aktar flus fil-but tan-nies, iżda waqt li l-attenzjoni qed tiffoka kważi esklussivament fuq il-miżuri ekonomiċi, mistoqsijiet dwar il-futur tal-pajjiż, l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja qed jibqgħu fil-ġenb tad-dibattitu politiku
La l-Partit Laburista u lanqas il-Partit Nazzjonalista mhuma injoranti. Forsi jiżbaljaw, forsi jfasslu pjani li ma jaħdmux, jew jipproponu xi miżura li ma tintgħoġobx. Iżda t-tnejn jafu sew li l-iktar miżuri li jolqtu lill-maġġoranza tal-elettorat huma dawk li jitfgħulhom iktar flus fil-but. Jew dawk li jnaqqsu l-ammont li joħorġu mill-but.
U waqt li l-Partit Laburista ħareġ fl-ewwel ġurnata tal-kampanja elettorali bi proposti li jitfgħu flus fil-but tan-nies, il-PN stenna ftit jiem sakemm anke hu beda joħroġ proposti simili.
X’qed joffri l-Labour
Jekk il-Patrit Laburista jibqa’ fil-Gvern, kull ħaddiem f’Malta jkun intitolat għal super bonus ta’ €1,000 fis-sena, skont Robert Abela.
Il-miżura, li mistennija tiswa madwar €200 miljun fis-sena, se tingħata b’rata fissa irrispettivament mid-dħul u se tapplika għal impjegati, self-employed, studenti u pensjonanti li jaħdmu. Biex wieħed jibbenefika, irid ikun ilu resident f’Malta għal mill-inqas ħames snin. Ħaddiema part-time li jaqilgħu sa €12,000 fis-sena se jirċievu bonus ta’ mhux inqas minn €500.
Il-PL qed jipproponi żieda ta’ €250 fl-allowance tat-tfal għal familji bi dħul ta’ inqas minn €40,000 fis-sena. Se jiżdied ukoll l-in-work benefit għal €150 għal kull tifel jew tifla, b’żieda addizzjonali ta’ €100 għal familji fejn jaħdem ġenitur wieħed biss.
Waħda mill-ewwel proposti tal-PL kienet dik ta’ €5,000 għal kull tarbija.
Fuq l-edukazzjoni, il-Labour ippropona li l-istudenti jirċievu żieda oħra ta’ 15% fl-istipendju tagħhom. Studenti li jmorru fuq Erasmus jew skambji oħra barra minn Malta se jirċievu għotja ta’ €1,000. Il-proposta għandha l-għan li tħeġġeġ aktar studenti jieħdu opportunitajiet internazzjonali u jiksbu esperjenzi edukattivi barra l-pajjiż.
Fuq il-qasam tad-djar, il-PL qal li se jgħolli l-limitu tal-eżenzjoni tal-boll għal min qed jixtri dar għall-ewwel darba, minn €200,000 għal €300,000. B’hekk ix-xerrejja jiffrankaw €5,000 oħra f’taxxa.
L-iskema tad-depożitu ta’ 10%, li tgħin lix-xerrejja li huma intitolati għal self bankarju iżda ma jistgħux iħallsu d-depożitu meħtieġ għall-konvenju se tissaħħaħ ukoll billi l-valur tal-proprjetà eleġibbli jiżdied minn €250,000 għal €300,000.
First-time buyers jingħataw rifużjoni ta’ €1,200 biex ikopru parti mill-ispejjeż tan-nutar u searches. Flimkien mal-bidla fil-bolla, din tista’ twassal għal saving totali ta’ madwar €6,200, li jista’ jintuża għal finishing jew furnishing tad-dar.
Persuni b’diżabilità severa se jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom b’għotja miżjuda għal €20,000, id-doppju ta’ dik attwali għall-first-time buyers. Barra minn hekk, ġie mħabbar ukoll li persuni b’diżabilità ’l fuq minn 18-il sena se jibbenefikaw minn budget plan personalizzat biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet individwali tagħhom u tissaħħaħ l-indipendenza tagħhom.
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li gvern Laburista se jestendi l-appoġġ finanzjarju għall-pazjenti li jkollhom bżonn kura barra minn Malta, billi jkopri wkoll l-ispejjeż tal-persuna li takkumpanjahom. Bħalissa, l-assistenza tal-gvern tkopri lill-pazjent adult biss, filwaqt li fil-każ ta’ minorenni jitħallsu l-ispejjeż taż-żewġ ġenituri li jivvjaġġaw mat-tifel jew tifla. Skont il-proposta l-ġdida, dan l-appoġġ se jiġi estiż biex jinkludi wkoll akkumpanjatur għal pazjenti adulti.
Gvern Laburista ġdid iħallas l-ispiża kollha tat-terapiji meħtieġa minn tfal taħt it-18-il sena b’diżabilità jew kundizzjoni newrodiverġenti. Dan jinkludi terapiji li jistgħu jkunu essenzjali għall-iżvilupp tat-tfal u jnaqqas ħafna mill-piż finanzjarju fuq il-ġenituri.
Servizz ta’ gym b’xejn se jiġu offruti lil persuni li jbatu b’kundizzjonijiet bħal Parkinson’s.
Tfal bejn it-tlieta u l-ħames snin se jingħataw lezzjonijiet tal-għawm b’xejn bħala parti minn inizjattivi li jippromovu saħħa u żvilupp fi stadji bikrija tal-ħajja.
Il-PL qed jipproponi wkoll żieda fir-rifużjoni tat-taxxa għal ġenituri li jħallsu għal attivitajiet extra-kurrikulari għat-tfal tagħhom. Ir-rifużjoni se tiżdied b’€100 u tilħaq €400 fis-sena, u se tkopri attivitajiet sportivi, artistiċi u kulturali.
Din l-iskema se tiġi estiża wkoll biex tinkludi tfal li jattendu akkademji tal-futbol u attivitajiet oħra bħal taħriġ ibridu.
Għall-pensjonanti, il-PL wiegħed żieda ta’ €50 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet, inkluż il-COLA. Il-partit qed jippreżenta din bħala żieda mifruxa fuq il-leġiżlatura li għandha ttejjeb id-dħul tal-pensjonanti u tgħinhom ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Fuq livell ta’ negozju, il-Prim Ministru ħabbar li kumpaniji b’fatturat ta’ inqas minn €1 miljun fis-sena se jħallsu taxxa ta’ 25% minflok 35%.
Il-PL qed jipproponi li l-vjaġġi bil-Gozo Channel jkun bla ħlas għar-residenti kollha ta’ Malta u Għawdex permezz ta’ pass apposta. Ħabbar ukoll li s-sussidju għall-Għawdxin li jużaw il-fast ferry għal xogħol jew studju se jiżdied minn €650 għal €800.
Atleti elit li jirrappreżentaw lil Malta barra minn pajjiżna mhux se jibqgħu obbligati jużaw il-leave personali tagħhom biex jikkompetu, skont proposta mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela waqt attività politika tal-PL f’Santa Venera.
Skont din il-miżura, il-leave sportiv għal atleti li jaħdmu fis-settur privat u li jagħmlu parti minn timijiet nazzjonali se jiżdied għal 10 ijiem meta jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet organizzati minn federazzjonijiet Ewropej jew dinjija. Il-miżura se tapplika wkoll għall-membri tat-timijiet tekniċi u mediċi li jakkumpanjaw lill-atleti, bil-leave jiġi ffinanzjat mill-gvern.
Il-wegħdiet tal-Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista wiegħed li jraħħas il-kontijiet tal-enerġija għall-familji billi jneħħi t-tieni medda ta’ tariffa residenzjali u jagħmel il-kiri tal-meter tad-dawl b’xejn għal kulħadd. Il-Kap tal-PN Alex Borg qal li dawn il-miżuri mistennija jiswew lill-Gvern madwar €30 miljun.
Borg enfasizza li l-partit għandu pjan ċar biex inaqqas il-prezzijiet tal-elettriku, miżura li qal se tidħol fis-seħħ mill-ewwel baġit ta’ gvern ġdid Nazzjonalista. Huwa spjega li l-għan huwa li mill-1 ta’ Jannar 2027 il-familji jibdew iħossu dan it-tnaqqis fil-kontijiet tagħhom.
Bħala parti minn riforma komprensiva fis-sistema tat-taxxa personali, il-PN ħabbar riforma fit-tax bands sabiex jitnaqqsu t-taxxi għal persuni waħedhom, koppji miżżewġin, familji u ġenituri.
Il-PN qed jipproponi wkoll li l-COLA ma tibqax tiġi intaxxata, billi kull tax band tiżdied kull sena bl-istess ammont tal-COLA.
Fost il-miżuri mħabbra kien hemm ukoll eżenzjoni mit-taxxa fuq l-ewwel €10,000 ta’ dħul minn xogħol part-time jew sahra.
Borg ħabbar ukoll inċentivi għal familji li jospitaw studenti barranin, fejn id-dħul minn dan ix-xogħol ikun kompletament ħieles mit-taxxa. Jekk wieħed mill-ġenituri jieqaf jaħdem biex jieħu ħsieb id-dar u l-istudenti, jingħata krediti tal-Assigurazzjoni Nazzjonali għal sa massimu ta’ tliet snin.
Il-PN wiegħed ukoll Skills Wallet ta’ €1,000 għal kull ċittadin Malti minn 18-il sena ’l fuq, li jingħata kull tliet snin sal-età tal-irtirar biex jintuża għal taħriġ u korsijiet relatati max-xogħol.
Ħabbar ukoll riforma fuq il-bolla tal-wirt u t-taxxa fuq id-donazzjonijiet, biex kull trasferiment ta’ proprjetà immobbli b’titlu ta’ wirt ma jibqax suġġett għall-ħlas tal-bolla, mingħajr limitu fuq il-valur tal-proprjetà.
Il-PN qed jipproponi wkoll li jitneħħew it-taxxa u l-bolla fuq trasferiment ta’ negozji tal-familja li jgħaddu b’wirt, kemm jekk dawn jinvolvu ishma f’kumpaniji jew proprjetà kummerċjali.
Miżura oħra tinkludi t-tneħħija tat-taxxa u l-bolla fuq trasferimenti ta’ proprjetà immobbli minn ġenituri għal uliedhom jew neputijiet permezz ta’ donazzjoni. Skont il-PN, din l-eżenzjoni għandha tapplika għal kull tip ta’ proprjetà immobbli.
Borg qal li gvern tiegħu jintroduċi inċentivi fiskali għal speċjalisti Maltin li jaħdmu barra minn Malta, inkluż eżenzjoni mit-taxxa għal ħames snin biex jitħeġġeġ ir-ritorn tagħhom.
Fuq is-settur tas-saħħa, il-PN ħabbar sensiela ta’ proposti ġodda, fosthom żieda fl-istipendji għall-istudenti li jagħżlu suġġetti relatati mas-saħħa biex jilħqu l-paga minima nazzjonali ta’ €994 fix-xahar, kif ukoll żieda ta’ 25% fl-istipendji kollha.
Huwa qal li, sakemm jiżdied in-numru ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin li jidħlu fis-settur tas-saħħa, gvern immexxi minnu jneħħi l-ispejjeż kollha relatati ma’ permessi ta’ xogħol għal ħaddiema barranin, biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed ħaddiema, partikolarment fid-dawl tal-pjanijiet għal sptarijiet ġodda.
Il-PN qed iwiegħed screening regolari tas-saħħa kemm fiżika kif ukoll mentali biex jinstabu problemi kmieni u titjieb il-prevenzjoni.
Borg tenna wkoll li l-mediċini kollha relatati mal-kanċer jingħataw b’xejn.
Il-PN qed jipproponi li d-dħul minn part-time jew overtime sa €10,000 ma jkunx intaxxat. Dan biex jinkoraġġixxi aktar xogħol u jżid id-dħul nett tal-ħaddiema.
Gew imħabbra wkoll miżuri preventivi permezz fl-isport, fosthom grants għal smartwatches għal żgħażagħ bejn il-15 u l-25 sena, kif ukoll vouchers għal gyms u faċilitajiet sportivi.
Il-PN wiegħed li studenti Għawdxin li jistudjaw Malta jingħataw għajnuna ta’ €400 fix-xahar biex jgħinu fl-ispejjeż tal-kera u l-għejxien.
