Il-PN iwiegħed li jżomm l-ITS f’San Ġiljan

Simon Busuttil iħabbar iktar proposti fil-qasam tal-edukazzjoni, fosthom il-bini ta’ skola għall-performing arts

Simon Busuttil jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar proposti tal-edukazzjoni | ritratt: Chris Mangion
Simon Busuttil jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar proposti tal-edukazzjoni | ritratt: Chris Mangion

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li Partit Nazzjonalista fil-Gvern jkun qed iżomm l-Istitut tal-Istudji Turistiċi f’San Ġiljan, “fil-qalba tat-turiżmu,” filwaqt li jkun qed ittejjeb is-servizz, b’ITS modern. Minkejja dan, Busuttil sostna li l-ewwel se jkun qed jistenna lill-avukat ġenerali jtemm l-investigazzjoni tiegħu dwar is-sit fejn preżentament hemm l-ITS. “Jekk id-deċiżjoni tal-awditur tirriżulta li mhux regolari, inħallu kollox fejn hu u niżviluppaw dak li hemm. Però jekk l-awditur jgħid li kollox huwa regolari, se nkunu qed inċaqalqu s-sit fl-istess żona.” Minkejja dan, meta mistoqsi dwar jekk instabx sit alternattiv dwar dan, Busuttil saħaq li dan għadu ma sarx.

Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Ħal Qormi biex iħabbar iktar proposti tal-PN fil-qasam tal-edukazzjoni, Simon Busuttil qal kif Gvern Nazzjonalista jibni skola għall-performing arts fuq l-istess kunċett tal-iskola tal-isport.

Fost iktar proposti, il-PN qal kif se jkun qed jiżdied sostanzjalment il-baġit fil-qasam tar-riċerka, minn 0.6% tal-GDP għal 3% fuq medda ta’ 5 snin, filwaqt li jiżdiedu sostanzjalment il-fondi għall-ischolarships għad-Dottorat, biex l-għajnuna matul l-istudju u mhux wara.

Busuttil sostna li l-Gvern Nazzjonalista jagħti lura wkoll iż-żidiet li kienu tħallsu bħala tariffi  fuq l-eżamijiet tal-Matsec.

Qal ukoll kif studenti li se jkunu qed jiggradwaw mill-MCAST għall-inġinerija, jingħataw il-warrant. Dan filwaqt titjib fil-kundizzjonijiet u tnaqqis mill-workload tal-għalliema biex dawn ikunu jistgħu jiffukaw direttament fuq it-tagħlim.

More in Elezzjoni 2017