L-Iran jisħaq fuq pjan ta’ għaxar punti għall-paċi

Wara li Trump hedded li “ċiviltà sħiħa tista’ tinqered” u wara li l-forzi militari Amerikani allegatament wettqu attakki fuq miri fil-gżira Kharg, it-terminal ewlieni taż-żejt tal-Iran, kmieni illum filgħodu ntlaħaq ftehim ta’ waqfien mill-ġlied ta’ ġimgħatejn. L-Iran qed jisħaq li biex tintemm il-gwerra jrid jintlaħaq ftehim fuq pjan ta’ għaxar punti.

Il-ftehim għall-waqfien temporanju mill-ġlied intlaħaq bl-intervent tal-Pakistan mal-Istati Uniti, u sorsi jgħidu li ċ-Ċina għamlet pressjoni fuq l-Iran.

L-Istati Uniti u l-Iran qablu fuq waqfien mill-ġlied ta’ ġimagħtejn ftit inqas minn siegħa qabel ma kien se jiskadi l-ultimatum impost minn Donald Trump. L-Iran qabel li jiftaħ mill-ġdid temporanjament l-Istrett ta’ Ħormuż għat-tbaħħir.

Għalkemm skont il-White House l-Iżrael qabel mal-waqfien mill-ġlied, rapporti jindikaw li xorta komplew bl-attakki fuq il-Libanu.

Malli ntlaħaq il-ftehim tal-waqfien mill-ġlied l-Iran bagħat proposta ta’ 10 punti lill-Istati Uniti li skont Trump hija bażi tajba li fuqhom jistgħu jsiru n-negozjati biex tintemm il-gwerra. Skont il-midja tal-istat Iranjan, l-Iran jaċċetta t-tmiem tal-gwerra biss ladarba jiġu finalizzati d-dettalji kollha ta’ pjan ta’ paċi ibbażat fuq dawn l-10 punti.

Il-lista ta’ dawn l-10 punti, ippubblikata mill-midja Iranjana, tinkludi diversi kundizzjonijiet li l-Istati Uniti diġà ċaħdet fil-passat. Il-pjan jitlob li jitneħħew is-sanzjonijiet kollha fuq l-Iran u li l-Iran iżomm il-kontroll tal-Istrett ta’ Ħormuż.

Jitlob ukoll l-irtirar tal-forzi militari Amerikani mil-Lvant Nofsani, tmiem tal-attakki fuq l-Iran u l-alleati tiegħu, il-ħelsien ta’ assi Iranjani li ġew iffriżati u l-approvazzjoni ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tiddikjara li l-ftehim jorbot ‘il-partijiet.

Xi gazzetti u aġenziji internazzjonali tal-aħbarijiet irrappurtaw li fil-verżjoni bil-Farsi (il-lingwa tal-Iran), l-Iran inkluda wkoll il-frażi “aċċettazzjoni tal-arrikkiment” tal-uranju. Għal raġunijiet li għadhom mhux ċari, din il-frażi kienet nieqsa mill-verżjonijiet bl-Ingliż li tqassmu lill-ġurnalisti minn diplomatiċi Iranjani.

More in Barranin