Folol kbar ta' nies jattendu għall-funeral ta' iben Muammar Gaddafi fil-Libja

Saif al-Islam Gaddafi, illi nqatel nhar it-Tlieta f'daru, kien qiegħed jikkunsidra sabiex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li baqgħet posposta b'mod indefinit

Eluf ta’ nies attendew għall-funeral ta’ Saif al-Islam Gaddafi, l-aktar iben prominenti tal-eks mexxej Libjan Muammar Gaddafi, li nqatel b’tir ta’ arma tan-nar din il-ġimgħa.

Id-difna saret nhar il-Ġimgħa fir-raħal ta’ Bani Walid, madwar 175 kilometru (110 mil) 'l isfel minn Tripli.

Kważi 15-il sena wara li ġiet megħluba t-tmexxija ta' Gaddafi li kien inqatel f'rivoluzzjoni appoġġjata min-NATO fl-2011, eluf ta’ ammiraturi leali marru sabiex jibku lil ibnu, illi kien meqjus bħala l-eredi u l-mexxej prospettiv tal-Libja.

Saif al-Islam Gaddafi nqatel nhar it-Tlieta f’daru fil-belt ta’ Zintan fil-majjistral tal-pajjiż. L-uffiċċju tiegħu qal fi stqarrija li huwa nqatel waqt “konfrontazzjoni diretta” minn erba’ rġiel armati mhux magħrufa li daħlu f’daru.

L-uffiċċju tal-avukat ġenerali tal-Libja qal li l-investigaturi u t-tobba forensiċi eżaminaw il-katavru tar-raġel ta’ 53 sena u ddeterminaw li miet minn feriti ta’ arma tan-nar u li l-uffiċċju kien qed jaħdem sabiex jidentifika dawk responsabbli bil-qtil.

Deskritt bħala riformatur, huwa mexxa taħditiet sabiex il-Libja tabbanduna l-programm tal-armi ta' qerda tal-massa tagħha u nnegozja kumpens għall-familji ta' dawk li nqatlu fl-attakk fuq it-Titjira 103 tal-Pan Am fuq Lockerbie, l-Iskozja, fl-1988.

Iżda dik ir-reputazzjoni malajr ittappnet meta wiegħed "xmajjar ta' demm" b'reazzjoni għar-rivoluzzjoni tal-2011, li wasslet għall-arrest tiegħu dik is-sena fuq mandat maħruġ mill-Qorti Kriminali Internazzjonali għal allegati delitti kontra l-umanità.

Fl-2021, ħabbar li se jikkontesta għall-presidenza, iżda l-elezzjonijiet li kellhom l-għan li jgħaqqdu l-pajjiż maqsum taħt ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti ġew posposti b'mod indefinit.

Illum, il-Libja għadha maqsuma bejn il-gvern tal-Prim Ministru Abdul Hamid Dbeibah appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti bbażat fi Tripoli u l-amministrazzjoni tal-Lvant appoġġjata minn Khalifa Haftar.

Il-qtil ta' Gaddafi, illi kien meqjus minn ħafna bħala alternattiva għad-duwopolju tal-poter tal-pajjiż, seħħ inqas minn ġimgħa wara laqgħa li saret nhar it-28 ta' Jannar fil-Palazz Elysee ta' Franza, li laqqgħet flimkien lil iben Haftar u l-konsulenti ta' Dbeibah

More in Barranin