Il-Ministeru tal-Intern tas-Sirja ordna l-implimentazzjoni immedjata ta’ digriet ġdid illi se jagħti ċ-ċittadinanza lill-minoranzi Kurdi, hekk kif il-forzi tal-gvern qegħdin ikomplu jikkonsolidaw il-kontroll fil-pajjiż wara offensiva rapida kontra l-Forzi Demokratiċi Sirjani (SDF) immexxija mill-Kurdi fit-Tramuntana tal-pajjiż.
Din it-tħabbira ssegwi sensiela ta' ġimgħat ta' kunflitti armati bejn il-forzi tal-gvern Sirjan u bejn il-forzi Kurdi.
Il-Ministru tal-Intern Anas Khattab ħareġ id-deċiżjoni nhar l-Erbgħa, fejn ordna li d-digriet japplika għall-Kurdi kollha li jgħixu fis-Sirja u jinkludi espliċitament lil dawk elenkati bl-istatus ta' 'stateless'.
Il-ministeru stabbilixxa il-jum tal-5 ta’ Frar bħala d-data tal-iskadenza għall-finalizzazzjoni tal-miżuri u t-tnedija tagħhom, qal ir-rapport.
Ġimagħtejn ilu, il-President Sirjan Ahmed al-Sharaa kien iddikjara r-rikonoxximent tal-Kurd bħala waħda mil-lingwi nazzjonali tal-pajjiż u wiegħed illi jagħti ċ-ċittadinanza għas-Sirjani Kurdi kollha, hekk kif ħabbar waqfien mill-ġlied bejn il-forzi Sirjani u Kurdi.
L-avvanz rapidu tal-forzi Sirjani ġiegħel lill-SDF sabiex jirtira minn aktar bliet, inklużi Raqqa u Deir Az Zor, u b'hekk ippermetta lill-gvern f'Damasku sabiex jgħaqqad il-pajjiż f'att meqjusa bħala wieħed ta' reunifikazzjoni wara gwerra ċivili li rrovinat lis-Sirja għall-perjodu ta' kważi 14-il sena.
L-iżvilupp qanqal tifħir mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump, illi qal lil al-Sharaa li kien "kuntent ħafna" dwar l-offensiva tal-armata Sirjana minkejja l-appoġġ preċedenti tal-Istati Uniti lill-SDF. Madankollu, kien hemm rapporti ta' ċivili Kurdi li qed jiffaċċjaw nuqqas ta' ikel u spostament hekk kif il-konfront bejn il-forzi Sirjani u l-SDF għadhom għaddejjin fir-reġjun tat-Tramuntana tal-pajjiż.
Sadanittant, l-awtoritajiet inkarigati mit-twettiq tal-ordni ta' al-Sharaa ntalbu sabiex iħejju abbozz ta' struzzjonijiet u linji gwida għall-implimentazzjoni tad-digriet immedjatament. Taħt id-digriet ta' al-Sharaa, l-istat ingħata wkoll struzzjonijiet biex jissalvagwardja l-kultura u l-lingwa tal-Kurdi Sirjani, bili jipprovdi t-tagħlim tal-lingwa Kurda fi skejjel pubbliċi u privati f'żoni b'maġġoranza Kurda.
Id-digriet ħabbar ukoll illi l-21 ta’ Marzu se tkun id-data ta' Jum Newroz, ċelebrazzjoni nazzjonali li tilqa’ r-rebbiegħa u li hija osservata b’mod wiesa’ fost il-komunitajiet Kurdi mifrxua madwar ir-reġjun tal-Kurdistan fl-Ilvant Nofsani; inklużi dawk fis-Sirja, fl-Iraq, fit-Turkija u fl-Iran.
Nhar l-Erbgħa, al-Sharaa ltaqa’ mal-President Russu Vladimir Putin f’Moska sabiex jiġi diskuss il-futur tas-Sirja u l-preżenza ta’ truppi Russi fil-pajjiż. Fil-laqgħa, Putin faħħar l-isforzi kontinwi tal-kontroparti Sirjan tiegħu biex jistabbilizza pajjiżu.
Minn meta l-forzi ta’ al-Sharaa waqqgħu lill-alleat Russu Bashar al-Assad f’Diċembru 2024, Moska bdiet taħdem sabiex tibni relazzjonijiet kordjali ma' al-Sharaa u tiżgura l-preżenza ta' bażi militari kontinwa fil-pajjiż bl-għan illi ssaħħaħ l-influwenza tagħha fil-Lvant Nofsani.