Jibdew negozjati bejn ir-Russja, l-Ukrajna u l-Istati Uniti ġewwa Abu Dhabi

Kelliema għall-amministrazzjon Trump ikkonfermaw li l-unika punt ta’ nuqqas ta’ qbil bejn ir-Russja u l-Ukrajna huwa rigward il-kontroll ta’ reġjuni fil-Ilvant tal-Ukrajna

Negozjaturi Ukreni, tal-Istati Uniti u tar-Russja bdew sensiela ta’ taħditiet fl-Emirati Għarab Magħquda nhar il-Ġimgħa. It-tnedija ta’ dawn il-laqgħat immarka l-ewwel attent magħruf ta’ laqgħa li fiha attendew it-tliet pajjiżi minn minud tnediet l-invażjoni fuq skala sħiħa mir-Russja fi Frar 2022.

L-assistent tal-Kremlin Yury Ushakov ikkonferma li r-Russja qiegħda tingħaqad ma’ rappreżentanti mill-Ukrajna u l-Istati Uniti għall-“ewwel laqgħa tal-grupp ta’ ħidma trilaterali dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà” f’Abu Dhabi, u kkonferma stqarrija preċedenti mill-President Ukren Volodymyr Zelensky.

It-taħditiet ġew imnedija wara li l-mibgħut speċjali tal-President Donald Trump Steve Witkoff u r-raġel ta’ bint Trump Jared Kushner iltaqgħu mal-President Russu Vladimir Putin għal laqgħat ta’ aktar minn tliet sigħat li ngħataw bidu tard il-Ħamis. L-assistent tal-Kremlin Ushakov iddeskriva dawk it-taħditiet bħala “eċċezzjonalment sostantivi, kostruttivi, u, ngħid jien, estremament franki u kunfidenzjali.”

Iżda huwa wissa wkoll li “mingħajr ma tissolva l-kwistjoni territorjali… wieħed m’għandux jirrassenja ruħu li se jinkiseb ta’ ftehim għal tul ta’ żmien,” u żied jgħid li r-Russja se tkompli sieħu azzjoni fuq l-għanijiet tagħha “fil-kamp tal-battalja, fejn il-Forzi Armati Russi għandhom l-inizjattiva strateġika,” sakemm jintlaħaq ftehim.

L-isforzi reċenti mmexxija mill-Istati Uniti sabiex jiġi nnegozjat tmiem għall-gwerra ta’ erba’ snin s’issa ma rnexxilhomx iwaqqfu l-ġlied, hekk kif it-talbiet ta’ Moska sabiex l-Ukrajna ċċedi t-territorju mitlub mir-Russja baqgħu punt ta’ tensjoni fin-negozjati.

Ir-Russja qiegħda preżentament tokkupa madwar 20% tat-territorju rikonoxxut mil-liġi internazzjonali bħala territorju sovran tal-Ukrajna, inkluż kważi r-reġjun kollu ta’ Luhansk, u partijiet mir-reġjuni ta’ Donetsk, Kherson u Zaporizhzhia.

It-talbiet persistenti ta’ Moska jinkludu li l-Ukrajna ċċedi l-intier ta’ dawn l-erba’ reġjuni fl-Ilvant tal-Ukrajna, illi sa issa r-Russja annessiet iżda mhux ikkonkwistat għalkollox.

Il-laqgħat se jsiru wkoll matul il-jum tas-Sibt “jekk ikun hemm bżonn,” qal il-kelliem tal-Kremlin Dmitry Peskov nhar il-Ġimgħa.

Huwa żied jgħid li l-mibgħut speċjali ta’ Putin Kirill Dmitriev se jiltaqa’ wkoll separatament, wieħed ma’ wieħed ma’ Witkoff sabiex jiddiskuti kwistjonijiet ekonomiċi.

Id-delegazzjoni tar-Russja għal-laqgħa trilaterali f’Abu Dhabi tikkonsisti biss minn rappreżentanti mill-Ministeru tad-Difiża tal-pajjiż u se tkun immexxija mill-Ammirall u Kap tad-Direttorat Prinċipali tal-Intelligence Igor Olegovich Kostyukov. Id-delegazzjoni tal-Ukrajna hija mmexxija min-negozjatur ewlieni tal-pajjiż Rustem Umerov u se tinkludi l-viċi kap tal-uffiċċju presidenzjali u l-Kap tal-Persunal Ġenerali Andrii Hnatov.

Minuti wara li bdiet il-laqgħa bejn Putin u Witkoff, ir-Russja qalet illi l-ajruplan tal-bombi tagħha b’firxa twila wettaq titjira ta’ ronda skedata ta’ ħames sigħat fuq il-Baħar Baltiku nhar il-Ħamis, mossa x’aktarx maħsuba bħala wirja ta’ forza hekk kif l-isforzi diplomatiċi jintensifikaw.

Sadanittant, sigħat qabel ma vvjaġġa lejn Moska, Witkoff qal li n-negozjati kienu “ffokati fuq kwistjoni waħda biss”, u ssuġġerixxa li jaf ikun hemm ftehim fil-qrib.

“Naħseb li rnexxielna nirriduċu kollox għal kwistjoni waħda, u ddiskutejna dik il-kwistjoni, u dan ifisser li tista’ tissolva,” qal, waqt li tkellem f’avveniment f’Davos nhar il-Ħamis.

Uffiċjal Ewropew aktar tard ikkonferma li l-aħħar kwistjoni li fadal sabiex tissolva li Witkoff irrefera għaliha rigward it-territorji kkontestati, mingħajr ma ta aktar speċifiċitajiet.

Nhar il-Ġimgħa, il-Kremlin irrifjuta jagħti dettalji tad-dispożizzjonijiet li qed jiġu diskussi iżda sostna li t-tluq tal-Ukrajna mir-reġjun ta’ Donbas hija “kundizzjoni importanti ħafna.”

L-oġġettiv persistenti għal żmien twil tal-mexxej Russu Vladamir Putin huwa dak li r-Russja tassumi kontroll fuq ir-reġjun ta’ Donbas fl-Ukrajna, illi għandha art agrikola rikka u xmajjar importanti. Iżda t-telf tar-reġjun iħalli aċċess faċli għall-pjanuri miftuħa taċ-ċentru tal-Ukrajna, illi huma vulnerabbli għal kwalunkwe offensiva Russa futura.

L-amministrazzjoni Trump żiedet il-pressjoni fuq l-Ukrajna sabiex taċċetta ftehim ta’ paċi, minkejja tħassib li arranġament bħal dan jista’ jiffavorixxi lil Moska.

Matul id-diskors tiegħu f’Davos, il-President tal-Istati Uniti deher li indika li ħass li kien qrib li jkun hemm avvanz bejn iż-żewġ naħat. “Nemmen li issa waslu f’punt fejn jistgħu jingħaqdu flimkien u jilħqu ftehim, u jekk ma jagħmlux dan, ikunu stupidi,” qal Trump dwar Zelensky u Putin.

Nhar il-Ħamis, Zelensky għamel diskors imqanqal f’Davos, fejn wera d-diżappunt tiegħu li l-mexxejja Ewropej talli ma għamlux aktar sabiex iwaqqfu l-gwerra ta’ Putin, u qabbilha mar-rispons tagħhom għat-theddid ta’ Trump li jannessa lill-Greenland.

Zelensky tenna wkoll li kwistjonijiet territorjali mhux solvuti fil-Lvant għadhom ċentrali għad-diskussjonijiet ta’ paċi.

“Kollox huwa dwar il-parti tal-Lvant ta’ pajjiżna, kollox huwa dwar l-art,” qal. “Din hija l-kwistjoni li għadha mhix solvuta.”

Sadanittant, l-Ukrajna qiegħda tiġġieled biex terġa’ tagħti l-elettriku lil aktar minn miljun ruħ li tħallew mingħajr tisħin f’temperaturi kesħin ħafna wara attakki ta’ missili u drones Russi.

Nhar il-Ħamis, il-Ministru għall-Enerġija tal-Ukrajna qal li s-sistema tad-distribuzzjoni tal-enerġija tal-pajjiż għaddiet mill-aktar ġurnata diffiċli tagħha mill-aħħar tal-2022 minħabba “attakki kostanti tal-għadu.”

More in Barranin