Ammont kbir ta' dimostranti fl-Iran ħarġu nhar il-Ġimgħa filgħaxija sabiex ikomplu jipprotestaw kontra t-tmexxija tar-Repubblika Iżlamika. Dan huwa evidenti mill-ammont ta' filmati li qegħdin jittellgħu onlajn minkejja theddid mit-teokrazija tal-pajjiż li tieħu passi kontra d-dimostranti wara li ngħalaq l-aċċess għall-internet u nqatgħu l-linji ta' komunikazzjoni mal-kumplament tad-dinja.
Id-dimostranti dehru li kienu qegħdin jieħdu inkoraġġiment mid-dikjarazzjonijiet ripetuti ta’ appoġġ mill-amministrazzjoni ta’ Trump, u mill-prinċep werriet eżiljat tal-pajjiż, illi talabhom sabiex jippruvaw jegħlbu l-forzi tas-sigurtà billi jaħtfu l-bliet u l-irħula.
Grupp tad-drittijiet umani li jopera 'l barra mill-Iran u li jiddependi fuq informazzjoni minn kuntatti ġewwa l-Iran sostna li mill-inqas 65 persuna nqatlu fil-protesti. Il-protesti li issa nfirxu u ttrasformaw ruħhom fil-ikbar sfida għar-reġim, bdew f’Tehran fl-aħħar ta’ Diċembru wara rabja dwar l-qagħda ekonomika tal-Iran.
Il-Mexxej Suprem Ayatollah Ali Khamenei akkuża lill-President Trump li kellu idejh “imtebbgħin bid-demm tal-Iranjani” f’kummenti mxandra nhar il-Ġimgħa fuq ix-xandir tal-istat Iranjan. Id-dimostranti qegħdin "jirvinaw it-toroq tagħhom stess... sabiex jogħġbu lill-president tal-Istati Uniti," qal Khamenei ta' 86 sena lill-folla fil-kumpless tiegħu f'Tehran. "Għax qal li se jiġi jgħinhom. Ikun aħjar jekk jagħti kas il-qagħda ta' pajjiżu stess."
Ix-xandir tal-Istat aktar tard sejjaħ lid-dimostranti bħala "terroristi," hekk kif il-forzi tar-reġim wieġbu għad-dimostrazzjonijiet fit-toroq b'repressjoni vjolenti, minkejja l-wegħda ta' Trump li huwa lest li jappoġġja lill-protesti paċifiċi anke bil-forza jekk din tkun meħtieġa.
Trump b'mod ripetut wiegħed li jattakka lill-Iran jekk il-protestanti jinqatlu, theddida li ħadet sinifikat akbar wara r-rejd militari tal-Istati Uniti li ħataf lill-eks President tal-Venezwela Nicolás Maduro. Il-president issuġġerixxa nhar il-Ġimgħa li kwalunkwe attakk Amerikan possibbli ma jfissirx "attakki fuq l-art iżda dan ifisser li jolqtuhom b'mod qawwi ħafna fejn iweġġgħu."
"L-Iran jinsab fi problemi kbar," qal Trump. "Jidhirli li n-nies qed jieħdu f'idejhom ċerti bliet li ħadd ma ħaseb li kien verament possibbli sabiex jittieħdu sa ftit ġimgħat ilu."
Huwa żied jgħid: "Ngħid lill-mexxejja Iranjani li aħjar ma jibdewx jisparaw għax aħna wkoll nibdew nisparaw."
F'post qasir fuq il-midja soċjali ppubblikat fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu f'Washington, is-Segretarju tal-Istat Marco Rubio qal, "l-Istati Uniti tappoġġja lin-nies kuraġġużi tal-Iran."
Skont aġenzja tad-drittijiet tal-bniedem li hija ibbażata f’Washington D.C. u li twaqqfet minn attivisti kontra r-reġim, sal-Ġimgħa, kienu nqatlu mill-inqas 65 persuna, inklużi mill-inqas 14-il membru tal-forzi tas-sigurtà. Aktar minn 2,300 persuna ġew arrestati, u ġew irreġistrati protesti f'180 belt.
L-awtoritajiet Iranjani għalqu l-aċċess internet nhar il-Ħamis filgħaxija hekk kif il-protesti eskalaw sew, hekk kif in-nies segwew sejħa mill-prinċep eżiljat, figura vokali tal-oppożizzjoni, sabiex l-Iranjani jgħollu leħinhom kontra r-reġim.
Il-Prinċep eżiljat tal-Iran Reza Pahlavi ġie meqjus bħala forza galvanizzanti wara l-momentum ta’ din is-serje ta’ protesti. Nhar is-Sibt, huwa appella lill-Iranjani mhux biss sabiex ikomplu joħorġu fit-toroq, iżda sabiex jippruvaw jaħtfu l-kontroll tal-bliet u l-irħula minn idejn l-awtoritajiet.
"L-għan tagħna m'għadux biss li noħorġu fit-toroq. L-għan huwa li nippreparaw biex naħtfu u nżommu ċ-ċentri tal-bliet," qal Pahlavi fl-aħħar messaġġ bil-vidjo tiegħu ppubblikat fuq il-midja soċjali, fejn sejjaħ għal aktar dimostrazzjonijiet fil-jiem li ġejjin.
B'ton ottimist, Pahlavi ddikjara li kien qed jipprepara biex jirritorna lejn art twelidu, u ssuġġerixxa li l-jum li fih ikun jista' jagħmel dan huwa "qrib ħafna."
Missieru, ix-Shah tal-Iran Mohammad Reza Pahlavi, kien disprezzat ħafna fl-Iran minħabba t-tendenzi awtokratiċi tiegħu u l-aġenda pro-Punent li kien iħaddan. Il-popolarita' tax-Shah ħadet daqqa ta' ħarta wara l-ħarba tiegħu fl-eżilju wara serje protesti fit-toroq fl-1979, hekk kif kienet tnediet ir-Rivoluzzjoni Iżlamika li ġabet lir-reġim attwali fil-poter.