L-amministrazzjoni Trump determinata li tieħu lill-Greenland
Waqt laqgħa fil-White House li saret nhar il-Ġimgħa, il-President Trump reġa' mill-ġdid hedded li jieħu lil Greenland bil-forza
More in Barranin
Waqt laqgħa fil-White House li saret nhar il-Ġimgħa, il-President Trump reġa' mill-ġdid hedded li jieħu lil Greenland bil-forza
L-Istati Uniti hija determinata li se tieħu azzjoni sabiex tieħu Greenland, ''jogħġobhomx jew le," qal il-President Donald Trump nhar il-Ġimgħa. Din l-istqarrija tal-President Amerikan issegwi ġimgħat ta' theddid mill-amministrazzjoni ta' Trump fil-konfront ta' Greenland; illi huwa reġjun semi-awtonomu li jaqa' taħt is-sovranita' tad-Danimarka.
"Għax jekk ma nieħduhiex aħna, ir-Russja jew iċ-Ċina se jieħdu f'idejhom lill-Greenland. M'aħniex se naċċettaw li jkollna lir-Russja jew liċ-Ċina bħala ġar," żied jgħid.
Trump għamel dawn il-kummenti waqt laqgħa li saret nhar il-Ġimgħa fil-White House, fejn kien akkumpanjat mill-Viċi President JD Vance u s-Segretarju tal-Istat Marco Rubio. Il-laqgħa saret ukoll fil-preżenza ta' uffiċjali għolja fl-industrija taż-żejt. Waqt il-laqgħa, Trump sostna li huwa "ammiratur kbir" tad-Danimarka u li jixtieq jagħmel ftehim "bil-mod faċli".
"Nixtieq nagħmel ftehim bil-mod faċli, imma jekk ma nagħmluhx bil-mod faċli se nagħmluh bil-mod diffiċli".
Greenland hija gżira li tinsab f'pożizzjoni strateġika fl-Oċean Artiku u li hija rikka fil-minerali. Il-gżira b'popolazzjoni ta' 60,000 persuna hija reġjun semi-awtonomu tal-alleat tad-Danimarka; pajjiż membru tan-NATO. Matul dawn l-aħħar ġimgħat, Trump regolarment ikkwota l-interessi tas-sigurtà nazzjonali bħala raġuni ''ġustifikata'' għall-intenzjonijiet tiegħu lejn Greenland.
L-attakki reċenti tal-Istati Uniti fuq il-Veneżwela u l-ħtif tal-president tagħha, Nicolás Maduro, qegħdin iqajmu tħassib dejjem jikber dwar dak li l-Istati Uniti jistgħu jkunu qed jippjanaw għall-Greenland fil-ġejjieni.
Din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Daniża Mette Frederiksen qalet li l-Istati Uniti "m'għandha l-ebda dritt li tannessja xi waħda mit-tliet nazzjonijiet fir-Renju Daniż," u wissiet li teħid ta' kontroll Amerikan jimmarka t-tmiem tal-alleanza militari tan-NATO.
Sadanittant, rappreżentanti mibgħuta mid-Danimarka u Greenland ltaqgħu ma' uffiċjali mill-Istati Uniti f'Washington nhar il-Ħamis u mistennija jerġgħu jiltaqgħu l-ġimgħa d-dieħla sabiex jiddiskutu t-triq 'il quddiem dwar it-territorju. Dan wara li l-amministrazzjoni ta' Trump għamlitha ċara li hija qiegħda tikkunsidra diversi metodi sabiex taħtaf il-gżira, inkluż l-użu ta' forza militari.