Grupp separatista fil-Jemen t'Isfel jiġi dissolut
Dan tħabbar wara ġimgħat ta' konfronti militari mal-forzi tal-gvern Jemenit
More in Barranin
Dan tħabbar wara ġimgħat ta' konfronti militari mal-forzi tal-gvern Jemenit
Il-grupp separatista fil-Jemen t'isfel magħruf bħala l-Kunsill Tranżitorju tan-Nofsinhar (STC) ħabbar li se jiġi dissolut wara ġimgħat ta' ġlied mal-forzi tal-gvern Jemenit fil-provinċji tal-Jemen t'Isfel u l-belt ta' Aden. Id-dissoluzzjoni tal-grupp tħabbret nhar il-ġimgħa, ġurnata biss wara li l-mexxej tal-grupp separatista ħarab mill-Jemen u sab refuġju fl-Emirati Għarab Magħquda.
Dan l-iżvilupp fil-Jemen isegwi ġimgħat ta' ġlied bejn il-Kunsill Tranżitorju tan-Nofsinhar u l-gvern Jemenit fil-provinċji ta' Al Mahra u Hadramout; illi f'Diċembru li għadda nħatfu mill-grupp separatista minn idejn il-gvern Jemenit. Il-Kunsill Tranżitorju tan-Nofsinhar kellul-interess illi jistabbilixxi mill-ġdid stat indipendenti fil-Jemen t'Isfel u sa ftit ġranet ilu kien qiegħed ifassal kostituzzjoni għal stat ġdid.
Bejn l-1967 u l-1990, il-Jemen kien maqsum f'żewġ pajjiżi distinti; il-Jemen ta' Fuq, illi kienet repubblika storikament Nasserista, u l-Jemen t'Isfel, illi kienet repubblika Marxista-Leninista. Iż-żewġ pajjiżi ideoloġikament distinti ngħaqdu flimkien sabiex jifformaw Jemen magħquda fl-1990, iżda d-differenzi li żviluppaw bejn iż-żewġ partijiet baqgħu jinħassu fost il-poplu Jemenit.
It-tentattiv tal-Kunsill Tranżitorju tan-Nofsinhar ma kienx l-ewwel tentattiv sabiex jerġa' jitwaqqaf stat indipendenti fil-Jemen t'Isfel, hekk kif fil-gwerra ċivili tal-1994, il-Jemen t'Isfel kien reġa' ddikjara l-indipendenza tiegħu għal ftit ġimgħat.
Il-Jemen ilu sa mill-2014 maqbud fi gwerra ċivili bejn tliet partiijiet maġġuri; il-grupp Houthi, illi jikkontrolla l-belt kapitali Sanaa u l-maġġoranza tal-Jemen ta' Fuq; il-gvern Jemenit, illi huwa rikonoxxut mill-gvern internazzjonali bħala l-gvern leġittimu tal-pajjiż kollu; u l-Kunsill Tranżitorju tan-Nofsinhar illi sa ftit ġranet ilu kien kiseb kontroll fuq il-provinċiji kollha tal-Jemen t'Isfel inkluż il-belt ta' Aden, illi kienet qiegħda sservi bħala belt kapitali proviżorja mill-gvern Jemenit.
Il-ġlied riċenti fil-Jemen t'Isfel wassal għal tensjonijiet bejn l-Għarabja Sawdita u l-Emirati Għarab Magħquda, minħabba l-fatt illi filwaqt li l-gvern Jemenit huwa appoġġjat mill-Għarabja Sawdita, il-Kunsill Tranżitorju tan-Nofsinhar huwa appoġġjat mill-Emirati Għarab Magħquda. Id-dissoluzzjoni tal-grupp separatista Jemenit qiegħda titqies bħala rebħa ġeopolitika għall-Għarabja Sawdita u bħala daqqa ta' ħarta għall-influwenza tal-Emirati Għarab Magħquda fil-Baħar l-Aħmar.
Il-futur tal-grupp Houthi; illi għadu jikkontrolla l-Jemen ta' Fuq; huwa wkoll wieħed inċert, billi l-protesti riċenti ġewwa l-Iran jistgħu possibbilment iwasslu għall-waqgħa tat-tmexxija Iranjana attwali. Ir-reġim Iranjan huwa sostenitur ewlieni tal-grupp Houthi.