Attakki ġodda fuq l-Iżrael mill-Iran joqtlu mill-inqas tmienja

Erbat ijiem wara li l-Iżrael sparat numru ta' missili lejn l-Iran, fejn qatlet numru ta' mexxejja militari u xjentisti, iż-żewġ naħat qed ikomplu l-kunflitt billi jisparaw il-missili lejn xulxin bl-Iżrael tgħid li għandhom kontroll totali tal-ajru ta' Tehran, il-belt kapitali tal-Iran • L-Iran qed thedded li titlaq it-trattat kontra l-armi nukleari

Kemm ilhom li bdew l-attakki, inqatlu 24 Iżraeljan u 224 Iranjan
Kemm ilhom li bdew l-attakki, inqatlu 24 Iżraeljan u 224 Iranjan

L-iskambju t'attakki bil-missili bejn l-Iżrael u l-Iran kompliet, hekk kif l-Iran wettqet assalt sinifikanti bil-missili tul il-lejl. Dal-attakk wassal biex jinqatlu mill-inqas tmienja min-nies u jindabru kważi 300.

Skont il-Gwardjani tar-revoluzzjoni tal-Iran, dal-aħħar attakk irnexxa għax użaw metodu ġdida biex is-sistema tad-difiża tal-Iżrael, magħrufa bħala l-Koppla tal-Ħadid, tattakka lilha nnifisha.

Minkejja s-sofistikazzjoni ta' din is-sistema, qed joħroġ biċ-ċar li mhix għalkollox effettiva, u fil-fatt ħafna Iżraeljani, li kienu mingħalihom li s-sistema hija invinċibbli, qed ibiddlu fehmithom dwarha

B'dal-aħħar attakk, in-numru ta' nies maqtulin tela' għal 24 mill-bidu tal-attakk min-naħa tal-Iżrael s'hawn.

Iżda min-naħa tal-Iran l-affarijiet mhumiex għalkollox sew, hekk kif il-Ministeru tas-Saħħa Iranjana rrappurtat li nqatlu mill-inqas 224 persuna mill-attakki Iżraeljani. Barra minn hekk, l-Iżrael sostniet li huma għandhom kontroll totali tal-ajru ta' fuq Tehran, il-belt kapitali tal-Iran.

Il-vittmi Iranjani nqatlu minkejja stqarrija mill-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Israel Katz, fejn qal li "M'hemmx intenzjoni li nagħmlu ħsara fiżika lir-residenti ta' Tehran bħal kif id-dittatur qattiel jagħmel kontra r-residenti tal-Iżrael."

Katz kien qed jirreferi għal Ayatollah Ali Khamenei, il-Mexxej Suprem tal-Iran, fejn għajru wkoll "qattiel beżżiegħ".

Fl-isfond ta' dan kollu, l-Iran qed thedded li toħroġ minn trattat kontra l-armi nukleari, magħruf bħala t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, li kien immirat biex iwaqqaf it-tifrix tal-armi nukleari madwar id-dinja.

More in Barranin