Ajruplan tal-Air India jiġġarraf ftit wara t-tluq minn Ahmedabad

jruplan tal-Air India li kien fuq titjira lejn Londra waqa’ ftit wara li telaq minn Ahmedabad, b’242 persuna abbord

Ritratt: Twitter
Ritratt: Twitter

Ajruplan tal-linja nazzjonali Air India, li kien qed jopera titjira lejn il-Gran Brittanja, waqa’ ftit minuti biss wara li telaq mill-ajruport internazzjonali ta’ Ahmedabad, fin-naħa tal-punent tal-Indja. Il-każ seħħ dalgħodu u fuq l-ajruplan kienu abbord madwar 242 persuna, fosthom passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ.

 S’issa, għadu mhux magħruf in-numru eżatt ta’ vittmi jew midrubin, iżda l-awtoritajiet kkonfermaw li l-feruti qed jiġu trasportati lejn l-isptarijiet fil-viċin.

Il-vjaġġ, identifikat bħala titjira AI171, kien maħsub li jitlaq lejn il-London Gatwick Airport u jasal hemm għall-ħabta tas-6:25 p.m.

Skont informazzjoni pprovduta mill-linja tal-ajru, fuq l-ajruplan kien hemm 169 ċittadin Indjan, 53 Brittaniċi, seba’ Portugizi, u ċittadin wieħed Kanadiż. Il-vettura tal-ajru kienet Boeing 787-8 Dreamliner, u skont data minn FlightRadar24, it-tluq uffiċjali kellu jsir fid-9:50 a.m. ħin tal-Indja. Is-sinjal tal-ajruplan intilef fis-10:08 a.m., ftit aktar minn minuta wara li telaq, meta kien għadu biss 625 pied fl-arja.

Id-data turi li l-ajruplan beda jinżel b’rata vertikali ta’ madwar -475 pied kull minuta qabel ma nqata’ kull kuntatt.

B’reazzjoni immedjata, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Sardar Vallabhbhai Patel fi Ahmedabad waqqaf temporanjament it-titjiriet kollha li kellhom jitilqu mill-ajruport, filwaqt li s-sitwazzjoni qed tiġi mmaniġġjata mill-awtoritajiet relevanti. Il-passiġġieri ġew imħeġġa jivverifikaw l-aħħar aġġornamenti mat-titjiriet tagħhom qabel ma jmorru l-ajruport.

Il-Ministru Indjan għat-Trasport tal-Ajru, Ram Mohan Naidu Kinjarapu, qal li kien ixxukjat bl-aħbar, u assigura li timijiet ta’ salvataġġ ġew mobilizzati mal-ewwel biex jagħtu l-għajnuna meħtieġa.

Iċ-chairman ta’ Air India, Natarajan Chandrasekaran, iddeskriva l-inċident bħala “traġedja” u qal li l-kumpanija qed tagħmel dak kollu li tista’ biex tappoġġja lir-rispons ta’ emerġenza u tipprovdi l-kura kollha lill-persuni affettwati.

L-awtoritajiet tal-ajru u tas-sigurtà qed ikomplu jinvestigaw iċ-ċirkostanzi ta' dan l-inċident.

Aktar dettalji mistennija fil-jiem li ġejjin.

More in Barranin