Omm Navalny tirċievi ġisem binha

Omm Alexei Navalny qalet li kienet mġiegħla taċċetta li tidfen lil binha “bil-moħbi” jew inkella se jkun midfun fil-ħabs fejn miet.

Il-ġisem tal-kritiku Russu Alexei Navalny ġie rritornat lura għand ommu. 

Dan seħħ wara li ommu qalet li kienet mġiegħla taċċetta li tidfen lil binha “bil-moħbi” jew inkella se jkun midfun fil-ħabs fejn miet. 

F’post fuq X, il-kelliema ta’ Navalny, Kira Yarmysh irringrazzjat lil kull min kien talab għar-ritorn ta’ ġismu.

"Il-funeral għad irid isir," kitbet.

"Ma nafux jekk l-awtoritajiet humiex se jindaħlu biex dan isir bil-mod kif trid il-familja u kif jixraqlu Alexei."

Aktar kmieni s-Sibt, l-armla ta’ Navalny, Yulia, akkużat lil Vladimir Putin li żamm il-katavru ta’ żewġha “ostaġġ” u talbet il-ħelsien tiegħu mingħajr kundizzjonijiet.

Hija reġgħet akkużat lill-president Russu li hu kien li ppjana l-mewt ta’ żewġha.

Il-Kremlin ċaħad l-allegazzjonijiet, u sejjaħ ir-reazzjoni tal-Punent għall-mewt bħala "isterika".

Navalny kien politiku tal-oppożizzjoni Russa, attivist kontra l-korruzzjoni u avversarju politiku ewlieni tal-President Russu Vladimir Putin. Navalny miet fis-16 ta’ Frar f’ħabs Russu. 

More in Barranin