'Irridu nħaffu' jwissi Zelenskyy quddiem konferenza fi Munich

Volodomyr Zelenskyy ħeġġeġ lill-alleati tiegħu tal-punent biex iħaffu l-appoġġ militari lill-Ukrajna u wissa li dewmien se jivvantaġġja lir-Russja

Il-President Ukren Volodomyr Zelensky
Il-President Ukren Volodomyr Zelensky

Il-President Ukren Volodomyr Zelenskyy ħeġġeġ lill-alleati tiegħu tal-punent biex iħaffu l-appoġġ militari lill-Ukrajna u wissa li dewmien se jivvantaġġja lir-Russja. Huwa kien qed jitkellem waqt konferenza Internazzjonali tas-Sigurtà illi fiha qal ukoll li ma hemm ebda alternattiva ħlief illi d-deċiżonijiet jittieħdu kemm jista' jkun malajr għaliex hemm ħajjiet li jiddependu minnha. 

Zelenskyy kien qed jitkellem waqt il-Munich Security Conference fil-Ġermanja lbieraħ. Huwa qal li l-Ukrajna tiddependi mill-armi sabiex issir il-ġlieda kontra dik li qal illi hija l-"ambizzjoni ta' Vladimir Putin." 

Madwar 40 Kap ta' Stat u tal-Gvern, kif ukoll politiċi u esperti tas-sigurtà minn madwar 100 pajjiż, inkluż l-Istati Uniti, l-Ewropa u ċ-Ċina kienu qed jattendu din il-laqgħa. 

Zelenskyy kkumpara l-ġlieda tal-Ukrajna mat-taqbida bejn David u Gulija u qal li filwaqt li l-Ukrajna għandha l-kuraġġ ta' David għandha wkoll bżonn l-għajnuna f'armamenti, kif kellu l-iżbandola David. 

"Din mhux biss dwar l-Ukrajna. Il-punt huwa li Gulija hemm bżonn li jitlef u ma hemm ebda alternattiva għal dan," qal il-mexxej Ukren. Huwa qal li dan għandu jiġri għax il-Kremlin jista' jkisser is-sigurtà u l-paċi ta' dawk kollha li fil-fatt kienu jinsabu fil-konferenza. 

Filwaqt li ħalef li pajjiż se jibqa' jiġġieled wissa li r-Russja tista' tkompli teqred ħafna ħajjiet. "Għalhekk irridu inħaffu," temm jgħid il-Mexxej Ukren Volodomyrr Zelenskyy. 

 

More in Barranin