Il-gwerra fl-Ukrajna kompliet għaddejja b'attakki feroċi mill-Kremlin, anke matul il-jum tal-Milied. Il-mexxej Russu Vladimir Putin qal li huwa lest u miftuħ għal negozjati filwaqt illi Kyiv qalet illi dan kien qed jispara madwar 40 missila lejn Luhansk, Donetsk, Kharkiv, Kherson u Zaporizhzhia.
"Fid-direzzjoni ta' Kherson, l-għadu jkompli jispara lejn żoni popolati madwar ix-Xmara Dnipro," qal il-Gvern Ukren, hekk kif l-Ukrajna tinsab mingħajr elettriku wara attakki fuq impjanti tal-elettiku mir-Russi. Il-Mexxej Ukren Volodomyr Zelenskyy qal illi Moska trid li l-aħħar jiem tal-2022 ikunu diffiċli u mudlama.
"Ir-Russja tilfet kollox din is-sena, imma d-dlam mhux se jwaqqafna milli nkomplu naħdmu biex ngħelbu lir-Russi. Imma rridu nkunu lesti għal kull xenarju," kompla jgħid il-Mexxej Ukren.
Minkejja li l-Kristjani Ortodossi Ukreni tradizzjonalment jiċċelebraw il-Milied fis-7 ta' Jannar, din is-sena ħafna Ukreni ddeċidew li jiċċelebraw ilbieraħ hekk kif Zelenskyy offra x-xewqat sbieħ tal-Milie lill-poplu.
Il-Ministeru tad-Difiża Russu qal illi lbieraħ il-forzi tagħhom qatlu madwar 60 suldat Ukren u li qerdet ħafna tagħmir militari Ukren. Il-Kremlin qal illi se jibqa' għaddej bil-ġlieda sakemm jilħaq l-għanijiet kollha territorjali. Kyiv ukoll ħalfet li tibqa' għaddejja bil-ġlieda sakemm jitlaq sal-aħħar Russu mill-pajjiż.