Aġġornata | U-Turn fuq oħra u pressjoni kbira. Truss ma ssaddadx aktar minn xahrejn

F'45 jum ta' tmexxija 'kaos': 10 'ijiem ta' luttu minħabba l-mewt tar-reġina, tliet riżenji fi ftit jiem u partit li dar kontriha stess 

45 jum biss wara l-ħatra tagħha, it-tielet l-Prim Ministru mara fl-istorja politika Ingliża, Lizz Truss, tirreżenja. Tajjeb li nfakkru li l-ewwel għaxart ijiem kienu kkaraterizzati biss mill-funeral tar-Reġina Eliżabetta II. Saħqet li hija ġiet eletta biex tnaqqas il-kontijiet tal-enerġija u l-assigurazzjoni privata tas-saħħa fi żmien li fih id-dinja qed taffaċċja diversi kriżijiet.

"Ma nistax inkompli l-mandat sal-aħħar, dak li jiena ġejt elett għalih mill-Parit Konservattiv. Għalhekk tkellimt mar-Re biex nitfa' r-riżenja tiegħi bħala Kap tal-Partit Konservattiv," qalet Truss quddiem il-bieb ta' 10 Downing street. 

Tajjeb li nirrimarkaw li fl-aħħar jiem Truss kellha pressjoni kbira biex tirriżenja, speċjalment mill-partit tagħha stess. Fil-fatt tul dawn il-jiem ta' tensjoni politika kbira, li nħasset anke fil-Parlament Ingliż, kien hemm diversi Deputati li irriżenjaw ukoll, inkluż s-Segretarju għall-Intern. 

Fid-diskors qasir tagħha, Truss qalet li fi żmien ġimgħa l-Partit Konservattiv se jkollu Mexxej ġdid. Hi se tibqa’ Prim Ministru sakemm jintemm dan il-proċess. Il-pressjoni fuq Truss żdiedet jum wara l-ieħor meta mini-budget li ressqet flimkien mal-eks Kanċillier Kwasi Kwarteng, wassal biex il-Lira Ingliża naqqset drastikament fil-valur u anke kien hemm twissijiet mill-Fond Monetarju Internazzjonali li l-miżuri jistgħu jwasslu għal żieda akbar fl-inflazzjoni.

Għalhekk il-Gvern spiċċa b’U-Turn wara l-oħra u fi ftit jiem Truss keċċiet lil Kwarteng u ħatret il-Kanċillier il-ġdid, Jeremy Hunt, li warrbilha kważi l-pjan kollu, inkluż it-tnaqqis fit-taxxi. Hunt saħaq li dan kellu jsir bilfors bil-għan li jistabblizza lis-swieq. Minkejja dan, Truss dehret determinata li tibqa’ Prim Ministru u twassal lill-partit tagħha sal-elezzjoni.

Biex tkun taf aktar dwar min hi Lizz Truss, x'għamlet fil-karriera politika tagħha u xi xtaqet twettaq: Agħfas hawn.

More in Barranin