Ir-Russja tgħid li se tikseb lura t-territorji li tilfet u twissi lill-Istati Uniti 'b'konfront militari dirett'

L-Ukreni komplew jiksbu lura bliet strateġiċi li tilfu u l-Istati Uniti ħabbret għajnuna militari ta' $625 miljun lill-Ukrajna

Il-Kelliem għall-Kremlin, Dmitry Peskov qal li r-Russja tinsab lesta biex tieħu lura t-territorji tagħha li tilfet fl-aħħar jiem u saħansitra qal mal-BBC li jiġri x’jiġri dawn se jkunu tar-Russja għal dejjem.

Peskov qal dan hekk kif fl-aħħar jiem, il-Forzi Ukreni għamlu avvanzi kbar f’dawk ir-reġjuni li r-Russja mhux biss ħatfu taħt idejhom iżda saħansitra ddikjarat bħala parti minnha, wara referendum li kien deskritt bħala “farsa.”

L-Ukreni rebħu diversi bliet strateġiċi kemm fil-lvant tal-pajjiż imma anke fin-nofsinhar, b’mod partikolari fir-reġjuni ta’ Luhansk u Kherson.

Intant, Moska qed twissi wkoll lill-Istati Uniti li jekk se tibqa’ tgħin lill-Ukrajna bl-armi, se jikber ir-riskju li jkun hemm “konfront militari dirett” bejn ir-Russja u l-Punent.

L-Ambaxxatur Russsu għall-Istati Uniti, Anatoly Antonov qal li dak li tħabbar fl-aħħar sigħat huwa “theddida diretta” fuq it-territorju Russu u jagħmel lill-Istati Uniti “parteċipi f’dan il-kunflitt.”

Dan hekk kif l-Istati Uniti ħabbret li se tkun qed toffri għajnuna militari ta’ $625 miljun lill-Ukrajna. Fil-fatt, armi avvanzati qed jintbagħtu l-Ukrajna biex tkun tista’ tkompli bl-avvanzi tagħha.

Intant, l-Unjoni Ewropea approvat it-tmien pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja. Id-dettalji għad iridu jitħabbru imma jidher li se jkunu qed jinkludu kontroll fuq l-esportazzjoni u projbizzjoni fuq l-importazzjoni, fost oħrajn. 

More in Barranin