Johnson mistenni jħabbar il-posponiment tat-tneħħija tal-bqija tar-restrizzjonijiet fir-Renju Unit

It-tir kien li sal-21 ta' Ġunju jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha inkluż fuq l-attivitajiet tal-massa

Il-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson, mistenni jħabbar id-deċiżjoni tal-Gvern li l-bqija tar-restrizzjonijiet ma jitneħħewx fil-21 ta’ Ġunju, kif kien ippjanat.

Mistoqsi mill-midja dwar din id-deċiżjoni, waqt il-laqgħa tal-G7 f’Cornwall, Johnson saħaq li l-Gvern qed janalizza l-informazzjoni.

Insista li l-pjan tal-Gvern minn dejjem kien wieħed kawt imma rriversibbli. 

“Biex ikun pjan irriversibbli, irridu nkunu kawti,” insista l-Prim Ministru.

Il-pjan kien li fil-21 ta’ Ġunju jitneħħew il-bqija tar-restrizzjonijiet It-tir kien li minn dakinhar jerġgħu jibdew isiru attivitajiet kbar u anke jitneħħew xi limitazzjonijiet li għadhom imposti fuq il-pubs u r-ristoranti, fost l-oħrajn.

Madanakollu, fl-aħħar ġimgħat u jiem, ir-Renju Unit esperjenza żieda fil-każi tal-Covid-19 li l-kawża tagħha huwa l-varjant Delta, jiġifieri l-varjant li nstab l-ewwel darba fl-Indja. 

Ilbieraħ, ir-Renju Unit irreġistra 7,500 każ ġdid. Dan ifisser li fi żmien ġimgħa, nstabu 50,000 każ, jiġifieri 50% aktar mill-ġimgħa ta’ qabel. 

Dan minkejja li r-Renju Unit jinsab fuq quddiem fejn jidħol it-tilqim. 78.9% tal-popolazzjoni ħadet minn tal-inqas doża waħda tal-vaċċin, filwaqt li 56% issa huma mlaqqma kompletament. 

Jidher li l-varjant Indjan jinxtered 60% aktar malajr mill-virus oriġinali u issa huwa responsabbli għal 90% tal-każi ġodda fir-Renju Unit.

More in Barranin