Biden iħares lejn l-4 ta' Lulju bħala 'jum l-indipendenza mill-Covid-19'

F'indirizz lill-Istati Uniti, Biden qal li se jkun qed jordna lill-istati Amerikani biex jiftħu l-programm tat-tilqim għall-adulti kollha mill-1 ta' Mejju

Il-President Joe Biden qal li jinsab ottimist li jekk l-Amerikani jilqgħu l-istedina għall-vaċċin, l-4 ta' Lulju jista' jkun immarkat bħala "jum l-indipendenza mill-Covid-19."

F'indirizz lill-Istati Uniti, Biden qal li se jkun qed jordna lill-istati Amerikani biex jiftħu l-programm tat-tilqim għall-adulti kollha mill-1 ta' Mejju.

Kif qed jiġri f'pajjiżi oħra, bħalissa fl-Istati Uniti qed jitlaqqmu l-anzjani u l-persuni vulnerabbli, kif ukoll il-ħaddiema tas-saħħa.

Biden kien qed jindirizza lin-nazzjon fl-ewwel anniversjarju minn meta l-imxija tal-Covid-19 kienet iddikjarata bħala pandemija globali.

Minn dakinhar, nofs miljun Amerikan sfaw vittma tal-Covid-19, aktar minn kemm mietu fl-Ewwel Gwerra Dinjija, fit-Tieni Gwerra Dinjija u fil-Gwerra tal-Vjetnam f'salt

L-iskejjel kollha fl-Istati Uniti kienu u għadhom magħluqa, filwaqt li diversi negozji ilhom xhur magħluqa.

Biden saħaq li jekk kulħadd jikkopera, hemm ċans tajjeb li mill-4 ta' Lulju li ġej, qraba u ħbieb ikunu jistgħu jerġgħu jiltaqgħu flimkien u jiċċelebraw Jum l-Indipendenza.

Kien hawn li saħaq li jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed, l-Amerikani se jkunu jistgħu jiċċelebraw mhux biss "Jum l-Indipendenza" iżda anke "l-indipendenza mill-virus."

Fl-Istati Uniti, is-sistema tas-saħħa hija kumplessa u l-istati individwali għandhom f'idhom il-politika tas-saħħa pubblika. Filwaqt li l-Gvern federali huwa responsabbli biex iqassam il-vaċċin lill-istati, imbagħad huwa f'idejn l-istati differenti biex ilaqqmu liċ-ċittadini.

Madanakollu, bħala parti minn programm biex jitħaffef dan il-proċess, il-President Biden qal li l-għadd ta' postijiet fejn persuni se jkunu jistgħu jieħdu t-tilqima se jkun qed jiżdied, fejn saħansitra anke l-veterinarji u d-dentisti se jitħallew jamministraw il-vaċċin.

Se jkun hemm ukoll mobile units biex jilħqu komunitajiet li jinsabu fil-periferiji.

Biden kien qed jittama li fl-ewwel mitt jum tiegħu bħala President ikunu amministrati 100 miljun doża, iżda lbieraħ qal li din il-mira se tkun qed tintlaħaq fis-60 jum tiegħu bħala President Amerikan.

Ilbieraħ ukoll, Biden iffirma pakkett ta' għajnuna finanzjarja li jammonta għal $1,9 triljun, f'dik li qed tissejjaħ bħala l-ewwel rebħa leġislattiva għall-amministrazzjoni tiegħu. Dan il-pakkett jinkludi pagament dirett ta' $1,400 lil ħafna Amerikana u miżuri oħra biex jgħinu familji joħorġu mill-faqar u għall-istati biex itejbu l-programm tal-vaċċin.

More in Barranin