Trump jaċċetta li jibda formalment il-proċess ta' tranżizzjoni għal Biden

Madanakollu Trump xorta waħda mhux jikkonċedi t-telfa u qed jisħaq li se jibqa' jikkontesta r-riżultat

Il-President Amerikan Donald Trump aċċetta li jibda l-proċess formali ta' tranżizzjoni għall-President-elett Joe Biden li fl-20 ta' Jannar jieħu l-ġurament.

Trump qal li l-aġenzija federali li tmexxi dan il-proċess għandha "tagħmel dak li hemm bżonn isir," anke jekk insista li se jibqa' jikkontesta r-riżultat tal-elezzjoni.

Il-General Services Administration (GSA) qalet li tirrikonoxxi li Biden "jidher li huwa r-rebbieħ."

Din id-deċiżjoni ttieħdet hekk kif ir-rebħa ta' Biden kienet iċċertifikata fl-istat ta' Michigan.

Dan ifisser li issa, il-President-elett Joe Biden, se jkollu aċċess għal-laqgħat għolja tas-sigurtà, ikollu wkoll uffiċċju u uffiċjali tal-Gvern jaħdmu miegħu.

Fil-fatt, anke s-sit ta' Joe Biden issa hija waħda uffiċjali tal-Istat. Hu mifhum li mil-lum stess, Biden se jibda jħabbar il-Kabinett tiegħu.

Trump ħabbar dan fuq Twitter u saħaq li d-deċiżjoni ħadha "fl-aħjar interess tal-pajjiż."

Madanakollu, Trump għadu mhux jikkonċedi t-telfa u għadu qed jisħaq li l-elezzjoni kienet imbagħbsa u li se jibqa' jiġġieled ir-riżultat.

Fil-fatt, sal-lum, Trump għadu ma stedinx lil Biden għal żjara ta' korteżija li normalment issir ftit jiem biss wara li jkun ċar li kandidat ikun rebaħ l-elezzjoni.

More in Barranin