Trump b'attakk fuq l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa; Pajjiżi Ewropej jerħu r-restrizzjonijiet

Franza qed testenti l-lockdown sal-11 ta’ Mejju

Il-President Amerikan Donald Trump akkuża lill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa li fi kliemu “falliet id-dover bażiku tagħha,” fi żmien il-pandemija u għalhekk ħabbar li se jkun qed iwaqqaf il-finanzjament tagħha.

Trump akkuża lill-Ġnus Magħquda li kienet qed tgħatti l-imxija tal-virus meta dan feġġ għall-ewwel darba fiċ-Ċina u fi kliemu din għandha tinżamm responsabbli.

Il-President Amerikan qal dan fi żmien li qed jirċievi kritika qawwija għal kif l-Istati Uniti mxiet f’din il-pandemija, hekk kif fl-Amerka kien hemm l-akbar ammont ta’ każijiet, aktar mill-Italja, Spanja u ċ-Ċina.

Pajjiżi Ewropew ikomplu jerħu r-restrizzjonijiet

Intant, diversi pajjiżi Ewropej komplew jerħu r-restrizzjonijiet tal-lockdown.

L-Italja ħabbret li se tkun qed tippermetti xi ħwienet biex jerġgħu jiftħu, inkluż ħwienet tal-kotba u anke stationaries.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, diversi Spanjoli rritornaw lura għax-xogħol hekk kif l-industriji “essenzjali” reġgħu bdew joperaw.

Id-Danimarka, li kien l-ewwel pajjiż Ewropew li għalaq il-fruntieri u anke ħabbar lockdown, se jkun qed jiftaħ mill-ġdid l-iskejjel u anke ċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani.

Dan fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni Ewropea mistennija tħabbar roadmap dwar kif għandhom jitneħħew ċertu restrizzjonijiet ta’ konteniment li ttieħdu mill-Istati Membri.

Franza

Mill-banda l-oħra, l-imwiet fi Franza qabżu l-15,000 hekk kif il-pajjiż għandu ‘l fuq minn 100,000 każ.

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, ħabbar li l-lockdown se jkun estiż sal-11 ta’ Mejju.

More in Barranin