Coronavirus | Spanja terħi xi miżuri u ċ-Ċina tirrapporta l-ogħla ammont ta' każi ġodda f'sitt ġimgħat

Kemm Franza u anke l-Italja rrapportaw tnaqqis fir-rata tal-imwiet b’rabta mal-Covid-19

Fi Spanja, it-tielet l-aktar pajjiż milqut mill-Covid-19, bdew jiġu rrilaxxati xi wħud mill-miżuri hekk kif mil-lum xi xogħol meqjus “mhux essenzjali” jista’ jibda jerġa’ jsir.

Dan ifisser li xi ħaddiema, inkluż dawk li jaħdmu fil-manifattura u l-kostruzzjoni, jistgħu joħorġu għax-xogħol, sakemm iżommu mar-regolamenti stretti. Ħwienet, bħar-ristoranti u stabbilimenti ta’ divertiment, għadhom magħluqa.

Din id-deċiżjoni ttieħdet minkejja li sal-bieraħ, Spanja rrapportat 600 mewta bil-Gvern jisħaq li ż-żminijiet li ġejjin se jkunu diffiċli.

Intant, il-Gvern qassam 10 miljun maskra hekk kif diversi se jkunu dawk li se jerġgħu jibdew jużaw it-trasport pubbliku biex imorru għax-xogħol.

Spanja sa issa kellha ‘l fuq minn 166,000 każ ikkonfermat u madwar 17,000 persuna tilfu ħajjithom. Minkejja dan, in-numri ta’ infezzjonijiet ġodda baqa’ jonqos ġurnata fuq oħra.

Ċina

Intant iċ-Ċina rrapportat l-ogħla ammont ta’ każi ġodda fi kważi sitt ġimgħat.

Minn 108 każi ġodda kkonfermati l-Ħadd, 98 kienu relatati ma’ safar u dan qed iżid il-biżgħa li ċ-Ċina jista’ jkollha t-tieni kurva tal-virus.

F’Wuhan, l-epiċentru tal-virus, il-ħajja rritornat għan-normal wara 11-il ġimgħa lockdow.

Ilbieraħ ukoll mietu żewġ persuni fiċ-Ċina.

Franza u Italja

Kemm Franza u anke l-Italja rrapportaw tnaqqis fir-rata tal-imwiet b’rabta mal-Covid-19.

Ilbieraħ, fl-Italja, 431 persuna tilfu ħajjithom, l-inqas ammont f’aktar minn tliet xhur.

Fi Franza, f’jum l-Għid, mietu 315-il persuna u dan meta ġurnata qabel tilfu ħajjithom 345 persuna.

More in Barranin