Sanders jirbaħ il-primarji f'New Hampshire; Disfatta għal Joe Biden

Joe Biden li fis-sondaġġi dejjem kien il-favorit spiċċa fil-ħames post wara riżultat xejn sabiħ il-ġimgħa li għaddiet ukoll

Bernie Sanders rebaħ il-primarji f’New Hampshire hekk kif tkompli t-taqtiegħa biex jintagħżel il-kandidat Demokratiku li se jkun qed itellaq kontra l-President Donald Trump bil-għan li jeħodlu postu.

Sanders saħaq li r-rebħa tiegħu hija “l-bidu tat-tmiem” għal Trump.

Ir-riżultat kien ifisser disfatta kbira għall-eks Viċi President Amerikan Joe Biden li sa issa, fis-sondaġġi, dejjem kien il-kandidat favorit tad-Demokratiċi biex jegħleb lil Trump.

Fil-fatt, Biden spiċċa fil-ħames post.

Sanders rebaħ bi ftit aktar voti minn Pete Buttigieg, il-kandidat ta’ dixxendenza Maltija, li qed iżid fil-popolarità tiegħu. 

F’din l-elezzjoni vvotaw madwar 280,000 votant, b’Sanders jaqbeż lil Buttigieg b’4,300 vot biss. Buttigieg rebaħ il-primarji li saru l-ġimgħa li għaddiet f’Iowa.

It-tiġrija tkompli fit-22 ta’ Frar f’Nevada.

Fit-3 ta’ Marzu jsir wkoll l-elezzjonijiet fi 15-il stat u territorji f’dak magħruf bħala Super Tuesday li jagħti indikazzjoni ċara ta’ min se jkun il-kandidat tad-Demokratiċi għall-elezzjonijiet presidenzjali. 

Il-kandidat Demokratiku għall-Presidenza tal-Istati Uniti jintagħżel f'Lulju.

More in Barranin