L-UE tikkunsidra l-estenzjoni u r-Renju Unit jiddibatti s-sejħa għal elezzjoni f'Diċembru

Biex issir elezzjoni bikrija, Johnson irid il-fiduċja ta’ żewġ terzi tal-Parlament

L-ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed jiltaqgħu llum biex jiddiskutu x’estenzjoni se jkunu qed joffru lir-Renju Unit, filwaqt li l-Parlament Ingliż se jibda jikkunsidra l-proposta ta’ Johnson għal elezzjoni bikrija.

Jidher li l-maġġoranza tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jaqblu li l-estenzjoni tkun twila tliet xhur, iżda r-Renju Unit ikun jista’ joħroġ qabel jekk il-ftehim innegozjat ikun approvat mill-Parlament Ingliż.

Franza hi tal-opinjoni li l-estenzjoni għandha tkun iqsar.

Sadanittant, fir-Renju Unit għaddej dibattitu jaħraq wara li Boris Johnson qal lill-Parlament li lest jagħti lid-Deputati aktar ċans biex jiddibattu l-ftehim jekk jivvotaw favur li ssir elezzjoni fit-12 ta’ Diċembru.

Hu mifhum li t-tir tal-Gvern huwa li nhar it-Tnejn li ġej jittieħed vot dwar l-elezzjoni ġenerali jekk l-Unjoni Ewropea tagħti estenzjoni sa Jannar, kif x’aktarx se jiġri.

Biex issir elezzjoni bikrija, Johnson irid il-fiduċja ta’ żewġ terzi tal-Parlament. 

Jidher li l-Partit Laburista Ingliż għadu mhux jikkummenta dwar kif se jivvota, anke jekk sal-bieraħ filgħaxija kien hemm rapporti li Jeremy Corbyn mistenni jordna lid-Deputati tiegħu biex jastjenu.

Madanakollu, f’intervista aktar tard, Jeremy Corbyn saħaq li jekk Boris Johnson jieqaf jgħid li lest joħroġ lir-Renju Unit mill-UE anke mingħajr ftehim, l-Oppożizzjoni tkun lesta tagħti l-appoġġ tagħha biex issir elezzjoni bikrija.

More in Barranin