Filmat | Deputati jdawru l-kliem u oħrajn jisħqu li se jitkellmu meta jasal il-waqt

Min għaddas rasu u baqa' sejjer u min insista li se jitkellem fil-mument opportun

Diversi Deputati u membri tal-Kabinett tal-Partit Laburista żammew fommhom sieket dwar jekk għandhomx fiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi u fiċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, malli wasal għal-laqgħa tal-Grupp Parlamentari, ħareġ għonqu għall-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li insista li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu wara li jiġu stabbiliti l-fatti.

Insista li dwar kull allegazzjoni kbira li saret għaddejjin investigazzjonijiet fil-qrati.

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia wkoll dawwar il-kliem minn fuq Mizzi u Schembri biex jisħaq li l-Pulizija għamlu passi kbar fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, għall-kuntrarju ta’ dak li ġara fil-qtil ta’ Karin Grech u Raymond Caruana.

Appella biex kulħadd iħalli lill-istituzzjonijiet jagħmlu x-xogħol tagħhom.

Mistoqsi jekk jaħsibx li l-Prim Ministru hux qed jieħu diversi rwoli f’dan il-każ, Farrugia saħaq li huwa fir-responsabbilità tiegħu li jkun informat għax huwa jrid jirrakkomanda l-maħfra Presidenzjali.

Edward Zammit Lewis ukoll naqqas milli jwieġeb dwar jekk għandux fiduċja f’Konrad Mizzi u Keith Schembri waqt li insista li l-importanti li fil-pajjiż issir ġustizzja.

“Aħna qegħdin hawn niddiskuti. Dejjem iddiskutejna. Għandi fiduċja li l-Prim Ministru wara li jismagħna, se jieħu d-deċiżjonijiet importanti li dejjem ħa,” insista l-Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru José Herrera qal biss li se jkun qiegħed jikkummenta u jgħid dak li jħoss fil-mument opportun.

Fl-aħħarnett, is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia, li fl-aħħar jiem saħaq li l-pajjiż għandu bżonn Deputati li jpoġġu l-ewwel u qabel kollox l-interess nazzjonali, baqa’ saħaq biss li hemm bżonn “maturità politika.”

Ara wkoll:

More in Politika