Filmat | 'Ma għandi xejn x'naqsam mal-każ ... ma hemmx responsabbilità xi nġorr' - Konrad Mizzi

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-konnessjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech, Mizzi wieġeb biss: 'go away'

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ddefenda l-pożizzjoni tiegħu u ma wera l-ebda intenzjoni li jirriżenja. 

B’ton kważi kważi rrabbjat, il-Ministru Mizzi baqa’ jisħaq li meta għamel żball fil-passat ammetta, refa’ r-responsabbilità politika billi tilef il-portafoll ta’ Ministru u anke rriżenja mill-irwol ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Ftaħar bil-fatt li n-nies eleġġewh b’aktar voti.

“Se nkun ċar, id-darba l-oħra ġarrejt responsabbilità għax kien hemm responsabbilità. Din id-darba ma għandi xejn x’naqsam ma’ dan il-każ u ma hemmx responsabbilità xi nġorr,” insista Mizzi waqt li ftaħar bil-messaġġi u t-telefonati ta’ appoġġ li rċieva dalgħodu.

Dwar il-kritika u l-appell tal-Ministru Evarist Bartolo li appella lilu u lil Keith Schembri biex jirriżenjaw, il-Ministru Mizzi tenna li mhux se jikkummenta fil-pubbliku dwar dan.

Ħin minnhom kważi kważi tilifha meta ġurnalist fakkru li permezz tal-kumpanija 17 Black kien allegatament se jixxaħħam minn persuna suspettat bi qtil. It-tweġiba ta’ Mizzi lill-ġurnalist kienet: ‘go away.’

L-istess tweġiba ta lill-ġurnalist ieħor meta staqsih jekk qattx tkellem ma’ Yorgen Fenech dwar Daphne Caruana Galizia meta kienu qed jaħdmu viċin xulxin dwar il-bini tal-Powerstation il-ġdida, b’Mizzi jfakkar u jisħaq li dan il-proġett għadda minn skrutinju kbir, inkluż mill-Kummissjoni Ewropea.

Mistoqsi jekk jiddispjaċihx li nnegozja ma' Fenech, Konrad Mizzi saħaq li l-ftehim kien iffirmat mal-Electrogas u mhux ma' Yorgen Fenech, anke jekk huwa kien shareholder fl-istess konsorzju.

'Kulħadd jirrispondi għal għemilu. Aħna mhux responsabbli għall-azzjonijiet ta' ħaddieħor," saħaq Mizzi.

Konrad Mizzi baqa’ jżomm ma’ dak li dejjem qal, jiġifieri li ma għandu x’jaqsam xejn mal-kumpanija 17 Black, li s-sid tagħha huwa Yorgen Fenech u dan minkejja li l-kumpanija kienet imsemmija bħala ‘target client’ tal-kumpanija li hu fetaħ fil-Panama.

Tenna dak li qal ukoll il-ġimgħa li għaddiet, jiġifieri li ma jafx ta’ min hi 17 Black.

Kif jagħmel f’kull kumment li jagħti, Konrad Mizzi ftaħar b’dak kollu li hu għamel fil-Gvern matul l-aħħar snin u insista li hekk se jibqa’ jagħmel għall-kumplament tal-leġislatura.

Madanakollu, mistoqsi jekk jaħsibx li qiegħed jagħmel ħsara lill-Partit Laburista, insista li l-ħsara qed jagħmluha biss dawk fil-Partit Nazzjonalista li qatt ma aċċettaw li l-Partit Laburista qiegħed fil-Gvern.

“Hemm barra hemm nies li qatt ma aċċettaw it-telfa,” insista Mizzi. 

Insista li l-prijorità tal-Gvern bħalissa hija li jkun magħruf kollox dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia waqt li fakkar kif il-Gvern uża r-riżorsi kollha neċessarji biex tkun magħrufa l-verità. 

Ara wkoll:

More in Politika