Il-Ministru Bartolo ċar u tond ... Jitlob lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri biex iwarrbu

Jisħaq li jekk mhux se jagħmlu dan, se jispiċċa jbati l-Partit Laburista kollu u l-pajjiż

Il-Ministru Evarist Bartolo illum tkellem ċar u b’mod dirett talab lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff Keith Schembri biex jirriżenjaw minnufih.

Bartolo kiteb dan fuq Facebook bl-istil tipiku tiegħu, fejn qabbel is-sitwazzjoni preżenti fil-Partit Laburista u fil-pajjiż ma’ siġra, li biex tagħti l-frott trid tieħu ħsibha u tiżborha fejn hemm bżonn, għax jekk le “timrad kollha kemm hi u tmut.”

"U jekk inħalluha tmut is-siġra tal-Partit Laburista min ħa jbati? Dawk li ħobżhom maħbuż? Le. Ibatu dawk li jifilħu l-inqas u mingħajr leħen. Huma l-aktar li jispiċċaw ibatu jekk nitilfu l-gid li hawn,” kiteb jistaqsi Bartolo.

Kien hawn li saħaq li b’mod ċar li “Konrad Mizzi u Keith Schembri jistgħu jagħżlu li, għall-gid tan-nies li għalihom twieled il-Partit Laburista, jwarrbu huma stess.”

Jekk dan ma jseħħx, Bartolo insista li jrid ikun il-Partit Laburista stess li jieħu ħsieb is-siġra biex ma timradx kollha hi u tmut.

Ilbieraħ, il-gazzetta ILLUM irrapportat kif filwaqt li l-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari jinsab wara l-Prim Ministru, Deputat u sors tal-istess gazzetta saħaq li Chris Fearne u lil Evarist Bartolo ma tantx jidhru kuntenti bis-sitwazzjoni.

“Kważi sigriet magħruf li Evarist mhux kuntent,” qal dan id-Deputat mal-ILLUM.

Id-dikjarazzjoni tal-Ministru Bartolo ġiet fl-istess ġurnata li fiha se jkun qiegħed jitlaqqa l-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista.

More in Politika