Filmat | Keith Schembri jidher għall-ewwel darba wara l-arrest ta' Fenech; Fommu sieket

Keith Schembri deher dieħel Kastilja ftit ħin qabel laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri deher għall-ewwel darba wara li nhar l-Erbgħa li għadda ġie arrestat Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black.

Schembri deher dieħel Kastilja, ftit ħin qabel laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista.

Minkejja l-ġurnalisti preżenti, Keith Schembri żamm sieket u baqa' dieħel fil-Berġa' mingħajr kummenti.

Minn meta ġie arrestat Yorgen Fenech, allegatament b'rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kibbret il-pressjoni fuq Keith Schembri u Konrad Mizzi biex jirriżenjaw, bil-Ministru Evarist Bartolo wkoll jingħaqad mas-sejħa ta' bosta.

Ta' min isemmi li ġimgħa qabel l-arrest ta' Fenech, Keith Schembri waqqa' l-libell li kien fetaħ kontra l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil b'rabta mal-kumpanija f'Dubaj 17 Black.

Keith Schembri ma kienx ċaħad l-eżistenza tal-kumpanija 17 Black, anzi kien qal li kienet parti mill-pjan tiegħu għan-negozju.

Ir-risposta kollha ta' Schembri kienet din:

"17 Black and MacBridge were included in draft business plans for my business group as potential clients. My companies make dozens of business plans such as these. However, it is a fact that neither 17 Black nor MacBridge ever became clients of my business group, and no transactions were ever recorded with these companies, or with me personally. I have no knowledge of the transfers referred to, nor any knowledge of the alleged payment."

X’inhi 17 Black? X’nafu dwarha?

  • F’Diċembru tal-2015 – Nexia BT tipprova tiftaħ kontijiet bankarji fil-Bahamas għal Tillgate u Hearnville​
  • Caruana Galizia tiżvela li Tillgate u Hearnville huma kumpaniji fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri
  • Email mibgħuta minn Carl Cini ta' Nexia BT tgħid li dawn il-kumpaniji se jiġġeneraw $2 miljun f’sena
  • Dawn il-flus kellhom jaslu mingħand il-kumpaniji 17 Black Macbridge
  • Ftit xhur qabel, 17 Black irċeviet $1.6 miljun
  • $200,000 rċeviethom mingħand l-aġent lokali tat-tanker tal-LNG
  • $1.4 miljun mingħand il-kumpanija Mayor Trans li s-sid tagħha hu mill-Ażerbajġan
  • Fi Frar tal-2016 - jieqfu t-tentattivi biex jinfetħu l-kontijiet – Daphne ssemmi għall-ewwel darba l-kumpaniji
  • Ikun żvelat li s-sid ta’ 17 Black huwa Yorgen Fenech, direttur tal-kumpanija Electrogas li bniet u qed tmexxi l-power station.

More in Politika