Opinjoni | Waslet l-ekonomija li toqtol

Ftakart fl-ekonomija “li toqtol” meta sirt naf f’xi postijiet fejn qed isir bini u skavar, qed jaqgħu l-ħitan ta’ kmamar fejn jgħixu n-nies

Il-Papa Franġisku fl-ittra appostolika tiegħu ‘Il-Ferħ tal-Evanġelju’ kiteb li l-ekonomija tal-Punent hija waħda li “toqtol”. Minnufih safa mlaqqam Marxist. Il-kritika waslet malajr u waslet irrabjata, mhux biss minn korrispondenti finanzjarji u personalitajiet konservattivi, imma wkoll minn xi kummentaturi Kattoliċi, speċjalment mill-Istati Uniti.

 Ftakart fil-kliem tal-Papa Franġisku meta smajt bl-aħbar li f’Malta ħaddiem Afrikan tal-bini daħal f’koma wara li waqa’ minn erba’ sulari u tħalla waħdu fil-bibien tal-isptar Mater Dei minn dak li kien qed jimpjegah. It-tabib Afrikan li ġabru mill-bibien tal-isptar, Ahmed Burge, stqarr fil-gazzetta tal-25 ta’ Mejju 2019 li “min iħaddmu saqu sal-bieb, niżżlu u telqu hemm”.

Ftakart fl-ekonomija “li toqtol” meta sirt naf f’xi postijiet fejn qed isir bini u skavar, qed jaqgħu l-ħitan ta’ kmamar fejn jgħixu n-nies bir-riżultat li persuni li kienu jinsabu għall-kwiet fi djarhom qed isibu rwieħhom waħda mirduma u mietet u oħrajn imwerwra, maħruba minn djarhom u barra fit-triq.

L-istorja tal-asbestos

Iżda meta ftakart fl-ekonomija “li toqtol” ma nsejtx x’kien ġara fit-Tarzna ta ’Malta ftit snin ilu meta ħaddiema ta’ dik l-akbar ażjenda f’Malta bdew imutu bl-asbestos li kienu jġibu magħhom il-bastimenti li jidħlu jsewwu hemmhekk. Aħna fiż-Żejtun kellna diversi funerali ta’ ħaddiema li mietu bit-trab tal-asbestos. Niftakar il-funeral ta’ waħda mara, li żewġha kien jaħdem it-Tarzna u kien iġibilha l-boiler suit biex taħsilhielu. It-trab tal-asbestos daħal fiha u mietet vittma tiegħu. L-istorja qed tirrepeti ruħha. Meta r-regħba tieħu l-ewwel post u saħħet il-bniedem ma tiġix qabel il-flus, l-ekonomija taqtol, kif qal il-Papa Franġisku!

Meta l-ekonomija sseħħ bil-għaġla u tinfirex f’daqqa ma’ kullimkien, id-dinjità tal-ħaddiem u ta’ kull persuna titwarrab fil-ġenb, ir-regolamenti, meta jkun hemm, jintesew u jibqa’ biss kemm se jidħol qligħ! Anke issa, meta l-Gvern issorpenda dax-xogħol ta’ bini xi wħud ipprotestaw u heddew li l-waqfien se jġib miegħu prezzijiet ogħla!

Responsabbiltà gravi

Jidher ċar li dak li ma sarx qabel, jeħtieġ li jsir wara l-konsegwenzi koroh li seħħew. Il-Gvern għandu r-responsabbilità gravi li jara li fl-industrija tal-bini, bħal kull azjenda oħra, kulħadd irid jerfa’ r-responsabbilità tiegħu. Kull ħaddiem barrani jew Malti għandu jisfa attrezzat għax-xogħol li jintalab jagħmel u kull professjonist fl-industrija tal-bini u l-iskavar għandu jinżamm responsabbli tad-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq il-post tax-xogħol.

a nistgħux nistennew iżjed biex inqisu l-kawżi strutturali tal-faqar biex infejqu s-soċjetà tagħna minn marda li tista’ biss teħodna lejn kriżijiet ġodda

Kif qal il-Papa fl-intervista li saritlu dwar l-ekonomija, “aħna ma nistgħux inqisu dis-sitwazzjoni bħala irreversibbli. Ma nistgħux nirrassenjaw irwieħna magħha. Ejjew infittxu li nibnu soċjetà u ekonomija fejn in-nies u l-ġid tagħhom personali, mhux il-flus, ikunu fil-qalba. U l-Papa jkompli jiċċara l-ħsieb tiegħu: iżjed etika

“l-ewwel nett, hemm bżonn niftakru li hemm ħtieġa ta’ iżjed etika fl-ekonomija u hemm bżonn iżjed etika fil-politika. Diversi kapijiet tal-istat u kapijiet politiċi, li magħhom iltqajt wara l-għażla tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma, sikwit tkellmu miegħi dwar dan. Qaluli li aħna, bħala mexxejja reliġjużi għandna ngħinuhom billi natgħuhom tagħlim etiku. Tassew, ir-ragħajja jistgħu jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom, iżda jien konvint li aħna neħtieġu, kif fakkar Benedittu XVI fl-enċiklika Caritas In Veritate, irġiel u nisa b’dirgħajhom merfugħa fit-talb lejn Alla, għax jafu li l-imħabba u t-taqsim bejnietna, li joħolqu l-iżvilupp ġenwin, mhumiex frott ta’ jdejna, imma don li wieħed jitlob.

U fl-istess ħin, jiena konvint li hawn ħtieġa għal dawn l-irġiel u nisa li jiddedikaw irwieħhom f’kull livell – fis-soċjetà, fil-politika, fl-istituzzjonijiet u fl-ekonomija – u hekk jaħdmu għall-ġid komuni. Ma nistgħux nistennew iżjed biex inqisu l-kawżi strutturali tal-faqar biex infejqu s-soċjetà tagħna minn marda li tista’ biss teħodna lejn kriżijiet ġodda. Is-swieq u l-ispekulazzjoni finanzjarja ma jistgħux igawdu awtonomija assoluta. Mingħajr soluzzjoni għall-problemi tal-faqar, mhux se nkunu kapaċi nsibu soluzzjoni għall-problemi tad-dinja. Neħtieġu programmi, strutturi u orjentamenti li jwasslu għal tqassim aħjar tar-riżorsi, ħolqien ta’ impjiegi u avvanz integrali ta’ dawk li huma mwarrba”.

Dun Anġ huwa l-fundatur ta’ Dar Nazareth

More in Socjali