Trapani fi żmien l-Għid…. Ikel galore, purċissjoni unika u xenarju li jaqtgħalek nifsejk

  • Purċissjoni li ddum iddur mal-belt 24 siegħa 
  • Wara kull vara jkun hemm banda

Is-sena li għaddiet iddeċidejt li għal festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid, inżur Trapani fi Sqallija. Belt ċkejkna li qatt ma kont żort, iżda li r-RyanAir għamilieli faċli li nżur. Tliet kwarti titjira u sibt ruħi fi Sqallija differenti milli kont is-soltu nżur.

Titjira qasira u rħisa li wassltini f’din il-belt ħdejn il-kosta. Belt maqsuma f’żewġ partijiet. Il-parti antika fejn hemm it-triq prinċipali mimlija ħwienet u appartamenti u n-naħa tal-port fejn wieħed isib diversi ristoranti tal-ħut. Ikel skwiżit u ġenwin li jkolli nammetti li hu anke irħas minn dak li s-soltu nħallsu fir-ristoranti tal-ħut f’Malta. Meta tordna l-platt prinċipali, barra dan, jimlewk b’ħafna platti biex idduq kull tip ta’ ikel tipiku tagħhom bil-pasta all pesto trapanese jinżillek għasel.

Passiggata mal-Monte Cofano trail
Passiggata mal-Monte Cofano trail

Jekk nibqa’ nikteb fuq l-ikel ma nieqafx għax ikolli nammetti li fi Trapani vera kilt ikel tajjeb. Iżda jien ma mortx hemm biss biex nimla l-ħawsla u nħaxxen żaqqi aktar milli hi, iżda mort hemm biex ingawdi x-xenarju u anke l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li bħalha, ma rajt imkien. Barra hekk, minn Trapani wieħed ma jistax jonqos li jżur Erice, raħal medjevali uniku u anke tista’ tmur sa Palermo, għalkemm ma tantx nissuġġerixxi din il-belt, għax għad li fiha r-rikezzi tagħha, fiha l-ħmieġ tagħha wkoll. Belt li ħriġt ferm diżżppuntat bil-ħmieġ u tħażżiż mal-ħitan tagħha. Belt li l-forte tagħha barra l-Kattidral grandjuż, hu x-shopping irħis li hemm.

L-aktar Purċissjoni li ddum barra u waħda mill-eqdem

Purcissjoni li għandha 400 sena
Purcissjoni li għandha 400 sena

It-tradizzjonijiet Sqallin huma fost l-eqdem u l-aktar qawwija fl-Italja kollha. Iżda l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira hi unika u li żgur li bħalha ma rajtu qatt. Hi pellegrinaġġ u purċissjoni li jieħdu sehem fih il-pajjiż kollu. Purċissjoni li ddum sejra 24 siegħa. Toħroġ il-Ġimgħa fis-2 ta’ wara nofsinhar u tidħol l-għada s-Sibt fis-2 ta’ wara nofsinhar. Tissejjaħ il-purċissjoni tal-Misteri u ġejja mid-dominju Spanjol ta’ 400 sena ilu. Fil-fatt, din il-purċissjoni ilha ssir 400 sena sħaħ u hi l-itwal purċissjoni fl-Italja kollha u fost l-eqdem.

Il-misteri huma 20 rappreżentazzjonijiet artistiċi mill-Passjoni ta’ Ġesu. 18-il vara mmexxija minn gruppi differenti pereżempju, il-grupp tat-trasport pubbliku, il-grupp tal-bennejja, tas-sajjieda, tal-uffiċini, tar-raħħala eċċ. li jieħdu ħsieb il-vara tagħhom, biex iżejnuha u jerfgħuha matul l-24 siegħa. Wara kull vara, ikun hemm banda ddoqq għal 24 siegħa sħaħ. Tieqaf waħda, u tibda l-oħra. Il-purċissjoni hi waħda li timla Trapani sħiħ b’kuluri, daqq u dawl u anke emozzjonijiet fejn hemm żewġ vari tal-Madonna tibki fuq binha mejjet. Waqt l-irfieħ tal-vari, huma bħal speċi mżeffna l-bradelli tal-injam miksija bi drapp iswed. Id-dawl mitfugħ fuq l-uċuh tal-personaġġi fuq il-vara jagħtu dehra ta’ espressjoni ta’ dwejjaq u sofferenza. Kull vara tintrefa minn 10 persuni biż-żifna msejħa ‘annaccata’. Ikolli nammetti li bħal din il-purċissjoni la qatt rajt u lanqas qatt tara. Għaliha jattendu turisti mill-Italja kollha u anke ħafna Ġermaniżi.

Trapani mhux Ġimgħa Kbira biss

Erice
Erice

Iżda Trapani toffri ħafna iżjed minn purċissjoni u ikel, fejn nagħtikom parir li jekk ma tikrux karozza sibu xi taxi u ftehmu miegħu prezz biex idawwarkom f’lokalitajiet viċin b’xenarju mill-isbaħ. Eżatt biswit Trapani, hemm il-belt jew ir-raħal medjevali ta’ Erice li tista’ titla’ għalih b’funikular. Jinsab fuq muntanja msejħa Erice, 750 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Min iħobb toroq medjevali u mserrpin, irid bilfors iżur din il-belt li minn maġenb il-kastell tagħha, hemm xenarju li jħallik bla nifs.

Monte Cofano
Monte Cofano

MONTE COFANO hi muntanja oħra ħdejn il-kosta li hi parti minn Trapani. Hemm mixja ta’ madwar siegħa u ftit aktar, fil-wita madwar il-muntanja fejn jekk tħares fuq in-naħa tal-lemin tara l-muntanja u fuq ix-xellug, il-baħar. Passiġġata li tagħtik nifs ġdid, passiġġata mill-isbaħ. Tat-taxi jitilqek fil-bidu tal-mixja u jiġbrok min-naħa l-oħra. Żarbun tajjeb għal mixi u tlaqna ħbieb!

Segesta
Segesta

SEGESTA hi 25 minuta bogħod minn Trapani. Barra t-tempju Grieg li hu ferm maestuż u l-amfiteatru fuq il-muntanja, hemm xenarju spettakolari minn hemm fuq. Tfallux li żżuru Segesta.

SCOPELLO hi bajja fejn wieħed jista’ jgawdi minn xena meraviljuża tal-hekk imsejħa FARAGLIONI, li huma dawk it-tliet blatiet ħerġin fuq baħar spettakolari.

Iżda dan mhux kollox. Hemm ħafna u ħafna iżjed x’jiskopri fi Trapani u l-madwar tagħha. L-aħjar jew ikollok karozza inkella kif għidtilkom tiftiehem ma’ xi persuna b’taxi jew vann u hu stess jurikom il-postijiet mill-isbaħ. Għax it-Trapanesi huma nies li jħobbuh wisq lil pajjiżhom u jagħmlu minn kollox biex lit-turist juruh kollox u bi prezzijiet xejn eżaġerati.

KIF TASAL HEMM:

RyanAir u xejn iżjed.

 

More in Divertiment