Miċ-ċinema din il-ġimgħa

Ara x'films ħarġu fis-swali taċ-ċinemas f'din il-ġimgħa

Pirates of the Carribean: Salazar’s Revenge

Atturi Ewlenin: Johnny Depp; Javier Bardem; Kaya Scodelario; Brendan Thwaites; Geoffrey Rush

Diretturi:  Joachim Ronning u Espen Sandberg

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 135 min 

Ċert: 12A

Is-saga ambjentata l-aktar fl-ibħra vasti "Pirates Of The Caribbean" waslet fil-ħames puntata tagħha u jidher li għad fadal enerġija sewwa għal din is-serje. Wara sitt snin mill-aħħar kapitlu, issa wasal "Salazar's Revenge". Il-battalji marittimi jiddominaw din il-produzzjoni, fejn barra Jack Sparrow [Depp], insibu żewġ protagonisti ġodda, l-astronoma brillanti Carina Smyth [Scodelario], tfajla li ma taqta' qalbha minn xejn u Henry Turner [Thwaites], baħri stinat tar-Royal Navy.  Il-Kaptan Jack Sparrow jinsab fl-agħar fażi ta' ħajtu, mingħajr bastiment u ekwipaġġ ta' pirati u f'xifer falliment. L-għadu antik tiegħu, il-Kaptan fantażma Armando Salazar [Bardem], li dejjem nissel terrur, flimkien ma' baħrin oħra mejta, jaħarbu mid-Devil's Triangle u qed inisslu biża' kbir fuq l-ibħra joqtlu bla ħniena lill-pirati.  Il-mira ewlenija ta' Salazar huwa Sparrow li l-unika tama li fadallu li jeħlisha hi li jfittex il-Furkettun leggendarju ta' Poseidon, l-alla tal-baħar.  Biex forsi jirnexxi f'din l-intrapriża diffiċli tiegħu, Sparrow ikollu, kontra qalbu, jagħmel alleanza ma' Carina Smyth u Henry Turner, it-tnejn li huma kapaċi jwassluh isib dan l-oġġett ta' qawwa straordinarja. Dawn jimbarkaw fuq vjaġġ mimli perikli, fuq bastiment ta' nofs kedda, "The Dying Gull", fejn Sparrow qed jittama li mhux biss isalva ħajtu mill-aqwa għadu li qatt iffaċċja, imma wkoll li l-fortuna tidħaklu. Bħax-xogħlijiet ta’ qabel, "Pirates Of The Caribbean: Salazar's Revenge" hu mfawwar b'intriċċi qawwija, b'vena kontinwa ta' fantasija u seħer u anki s-soltu umorizmu. Geoffrey Rush bħala Barbossa jerġa' jirritorna bħala l-Kaptan li jidderieġi l-bastiment tal-magħruf pirata mejjet, Blackbeard. Id-diretturi ta' dan il-film huma n-Norveġiżi Joachim Ronning u Espen Sandberg li fl-2013 kienu nnominati għall-Oscar għal-"Kon-Tiki" storja vera inkredibbli, ukoll fuq l-oċean, produzzjoni maħduma kważi kollha f'Malta.

 

Snatched

Atturi Ewlenin: Amy Schumer; Goldie Hawn; Tim Bateman; Randall Park; Brenda Sykes; Joan Cusack; Ike Barinholtz

Direttur: Jonathan Levine

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 91 min

Ċert: 15

"Snatched" hija kummiedja sfrenata dwar tfajla ftit imbaċċa, Emily Middleton [Schumer], li sikwit toħlom affarijiet sbieħ, però fl-imħabba m'għandhiex xorti. Għalkemm mimlija ambizzjoni tbati minn nuqqas ta' tattika kif tużaha għall-gwadann tagħha. Biex tissodisfa ruħha tieħu ħafna stessi. Meta kollox kien jindika li se jkollha xalata kbira ġo vaganza fl-Ekwador mal-ħabib mużiċist tagħha, Michael [Park], bil-popolarità tiela' għal rasu, dan jaħseb li se jsib tfajliet aħjar meta jkun qed idoqq għal għonq it-triq u jitlaqagħha ħesrem. Mhux talli biss tkun qalbha sewda iżda titqanna b'żewġ biljetti tal-ajru li ma tistax tieħu flushom lura. L-uniku ċans li tgawdi f'din il-ġita hi li ddur fuq ommha, Linda [Hawn], li magħha ma tantx tingwalaha u tistedina takkumpanjaha. Ommha saret rekluża kważi dejjem id-dar ma’ binha, Jeffrey [Barinholtz], li jitwerwer imur f'postijiet pubbliċi. Fl-avventuri tagħhom fl-Ekwador, id-drawwiet opposti tal-omm u bintha jikklaxxjaw sewwa. Meta jafdaw fuq żagħżugħ sbejjaħ biex jesploraw il-post, it-tnejn li huma jkunu maħtufin għall-għarrieda. Hawn se jgħaddu minn ħafna intriċċi, jaħarbu, isibu ruħhom waħidhom fil-ġungla, waqt li dejjem ippersegwitati mill-gang li ħatafhom qabel. L-uniku tama għalihom hi li jċemplu lill-ineffiċjenti Jeffrey, biex jipprova jeħlishom. "Snatched" għandu andament mexxej, kultant staġnat, mimli sitwazzjonijiet umoritistici kultant bombastici, speċjalment fejn jidħlu Ruth [Sykes] u Barb [Cusack], żewġ eks-operaturi tas-CIA li jogħxew meta jiddeffsu f'intriċċi perikolużi.

 

The Other Side of Hope

Atturi Ewlenin: Sherwan Haji; Sakari Kuosmanen; Kati Outenen; Tommi Korpela; Ville Virtanen

Direttur: Ari Kaurismaki

Maħruġ minn SIDE STREET Films, Eden Cinemas

Tul: 98 min

Ċert: 12

Aki Kaurismaki, forsi l-aqwa direttur Finlandiż tal-preżent, kien ittratta l-problema tar-refuġjati li jaslu Franza bil-moħbi f'"Le Havre".  F'"The Other Side Of Hope", fejn barra li hu d-direttur, Kaurismaki pproduċa u anki kiteb din l-istorja, jerġa' juri simpatija mill-qalb ma' dawn l-imsejkna tturufnati. Żewġ stejjer distinti li f'nofs din il-produzzjoni jintegraw flimkien huwa l-andament prinċipali u l-qofol ta' dan ix-xogħol. Wikstrom [Kousmanen], bejjiegħ tal-qomos f'Helsinki jargumenta ma' martu u jitlaqha. Hu jbigħ in-negozju tiegħu, jirbaħ kemxa flus mil-logħob tal-poker u jiftaħ restorant li ma tantx imur tajjeb. Khaled Ali [Ħaji], refuġjat Sirjan li meta jiddikjara li jrid kenn, l-awtoritajiet jiddeċiedu li jibagħtuh lura lejn Aleppo fejn tilef kważi l-familja kollha, jaħrab u jmur jistkenn barra ħdejn ir-restorant ta' Wikstrom. Dan tiġih ħniena minnu u jħaddmu miegħu illegalment. Iżda, Khaled aktar ikun moħħu biex ikun jaf x'ġara minn oħtu li għad fadallu u li tilifha matul il-vjaġġ. Kulħadd jipprova jgħinu. "The Other Side Of Hope" primarjament hija kummiedja li spiss taqleb f'sitwazzjonijiet pjuttost drammatiċi. L-isforzi ta' Khaled biex jipprova bis-sinċerità kollha jkopri mal-ħajja f'pajjiż stramb għalih tassew imissu l-qalb. Dan ix-xogħol li hu bis-sotto titoli rebaħ il-premju Silver Bear għall-aqwa direttur fil-festival ta' Berlin.

More in Arti