Għanafest 2015 - Tkattir u Tiġdid ta’ Tradizzjoni u Esperjenzi

Bejn it-12 u l-14 ta' Ġunju fil-Ġonna Argotti, il-Furjana

L-Għanafest, il-Festival Internazzjonali tal-Għana għen ħafna f’dan il-qawmien, anzi dan l-istess festival iġġedded fih innifsu sabiex mhux biss kompla żied fid-diversità u l-appell imma xpruna ħafna talenti, sabiex joħorġu b’iktar ideat interessenti u innovattivi. Fl-istess waqt żamm ħajja t-tradizzjoni antika li bħall-istess ilsien Malti, tidentifikana bħala ġens, anzi bħala ġens uniku. Din il-preżentazzjoni friska għenet ukoll sabiex ġibdet lejha iktar żgħażagħ u ħafna turisti li interessaw irwieħhom fl-għanjiet u fil-mużika u l-istrumenti tradizzjonali Maltin, fosthom il-flejguta, iż-żafżafa u ż-żaqq.

Din is-sena, l-Għanafest qed isir bis-sapport tal-Malta CHOGM Task Force, b’antiċipazzjoni għall-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Commonwealth, li sejra ssir f’Novembru li ġej.

Se jkun hemm strumenti li ġejjin minn pajjiżi jew reġjuni tal-Commonwealth u li tul is-snin ukoll saru popolari ħafna grazzi għall-BBC, speċjalment il-BBC World Service li tul dawn l-aħħar 35 sena pproġetta ħafna forom folkloristiċi u etniċi u għen mhux ftit lil ħafna talenti sabiex ikomplu jikbru fil-popolarità u fil-kreattività tagħhom.

Jali Diabate se jkun qed jesponi l-aspetti atmosferiċi u maġiċi tal-kora, li hija l-arpa tradizzjonali u popolari fl-Afrika tal-Punent, u llum il-ġurnata madwar l-Afrika kollha, kif ukoll fi Franza u anke fir-Renju Unit, fejn illum il-ġurnata, hemm ukoll talenti żgħażagħ Britanniċi bħal Josh Doughty li ddakkru minn dawn il-mużiċisti bravi Afrikani u qegħdin ukoll jiżviluppaw l-istil tagħhom stess.

Dali Jiabate hu żagħżugħ tenaċi u innovattiv. Ġej minn familja popolari ħafna fil-mużika tal-Afrika tal-Punent. Illum il-ġurnata jgħix Catania, jgħallem il-mużika u jdoqq madwar l-Ewropa, u jiġbed ħafna tifħir għall-mod kif kapaċi jikkomunika tant tajjeb mal-mużiċisti Afrikani, kif ukoll Ewropej.

Kienu l-Beatles u r-Rolling Stones li esponew id-daqq tas-sitar, l-istrument akustiku antik Indjan għall-popolin, daqs 50 sena ilu.  Warajhom, tħajru ħafna iktar talenti, fosthom il-Fleetwood Mac u l-Led Zeppelin sabiex il-mużika popolari tal-Punent ħadet bixra kompletament differenti.

Ashwin Batish għaraf dawn il-bidliet u ma nistgħaġeb xejn għax hu jgħix California, il-benniena tal-mużika psikadelika Amerikana, fl-istess żmien tal-Beatles u r-Rolling Stones. Huwa ġej minn familja mużikali. Missieru huwa Pandit Shiv Dayal Bashir, kantant u direttur mużikali mill-Indja.

Batish, min-naħa tiegħu, irnexxielu jnaqqax in-niċċa tiegħu bħala daqqaq brillanti tas-sitar, għax kapaċi jadattah għall-kanzunetti popolari u anke jimprovizza f’oqsma differenti mużikali.

Rura, mill-Iskozja, sejrin jippreżentaw mużika Keltika mimlija emozzjoni u melodija. Huma xempju tal-karattru Skoċċiż, determinat u patrijott, b’mużika li hija enerġetika ħafna. Rura jdoqqu strumenti tradizzjonali Keltiċi bħall-fifra, il-flawt, il-vjolini u l-bodhran fi stil li jirrifletti ħafna l-passjoni kbira li għandhom għal art twelidhom. Rebħu bosta unuri u l-mużika tagħhom illum xterdet lil hinn mill-BBC Radio Scotland jew il-BBC World Service, għax tindaqq f’bosta stazzjonijiet speċjalizzati – minn New York sa New Zealand - insomma, kull fejn hemm jgħixu nies ta’ nisel Skoċċiż jew Irlandiż!

Ma' dawn il-protagonisti, irridu nżidu l-protagonisti Maltin, kemm żgħażagħ, kif ukoll veterani li se jkomplu jinsġu bizzilla sabiħa mużikali li għandha tibqa’ fl-imħuħ ta’ kull min għandu għal qalbu mużika tradizzjonali li hi maħduma b’sengħa u arti. Artisti żgħażagħ bħal Rita Pace, Yvette Buhagiar, Evan Plumpton, Corazon, u mużiċisti llum mogħnija b’ċerta esperjenza bħal Walter Vella u Domenic Galea, flimkien ma’ bosta għannejja u mużiċisti oħra, sejrin joffru mużika u kant li juri kemm avvanzat l-għana Maltija tul dawn l-aħħar snin. Magħhom, irridu nżidu s-sengħa taż-żfin tal-Flamenco, mill-Allegria Dance Company, u t-tagħlim tas-snajja folkoristiċi lit-tfal għax, wara kollox, l-għana u l-folklor huma għodda importanti ħafna ta’ tagħlim.

Mingħajr ebda dubju, ħafna mill-mużiċisti żgħażagħ Maltin għarfu l-importanza tal-qawl Malti “kliem ix-xiħ żomm fih”. Mal-mużika u ż-żfin irridu nżidu s-snajja u l-ikel Malti li mill-ġdid se jkun għall-wiri u għall-bejgħ minn bosta gabbani waqt dan il-festival.

L-Għanafest, li mill-ġdid se jsir fil-ġonna pittoreski tal-Argotti, il-Furjana, huwa mera tal-passat, il-preżent, u anke l-futur ta’ pajjiżna grazzi għall-bosta kanzunetti li jirriflettu l-istorja sinjura u l-qagħda soċjali Maltija llum, għallinqas għal min verament japprezza l-mużika tagħna.

L-Għanafest – Malta Mediterranean Folk Music Festival 2015 huwa organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti bis-sapport tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali, CHOGM Malta 2015, il-Hotel Phoenicia, MSV Life u TVM.

Dan il-festival se jseħħ bejn it-12 u l-14 ta’ Ġunju fil-Ġonna Argotti, il-Furjana. Il-kunċerti jibdew fis-7 ta’ filgħaxija. Il-biljetti jiswew €3 għal kull serata jew €7 għal tliet iljieli u jistgħu jinxtraw mill-bieb. Hemm ukoll parkeġġ fiċ-Ċentru tal-Iscouts, maġenb il-Ġonna Argotti. Iktar tagħrif jista’ jinkiseb permezz tas-sit elettroniku www.maltafolkmusicfestival.org

More in Arti