Vjaġġi mal-Bużu; Taormina - Il-perla ta’ Sqallija

Rokna ġdida fuq il-ġurnal ILLUM kull nhar ta' Ħadd......

Taormina hi belt spettakolari li tinsab fi speċi ta’ terrazza tal-muntanja Tauro fejn fuq in-naħa tal-Punent tagħha wieħed ikun jista’ jara l-vulkan Etna. Hi belt ċkejkna li tfakkrek ħafna f’Capri jew Amalfi. 

L-isem tagħha proprja kien Tauromenium u kienet inbniet minn Andromacus fi żmien Dijonisju t-Tirann ta’ Sirakuża fis-sena 392 qabel Kristu. Fl-ewwel gwerer Puniċi, Taormina waqgħet f’idejn ir-Rumani fis-sena 212 QK u mill-ewwel saret il-post favorit għal vaganzi tas-senaturi u n-nies għolja tar-Rumani. Daqshekk Taormina ilha sservi bħala resort turistiku... minn qabel Kristu. 

Matul is-snin Taormina ġibdet lejha diversi awturi, artisti u aristokratiċi. Goethe, Alexander Dumas, Johannes Brahms, Gustav Klimt, D.H. Lawrence, Richard Wagner, Oscar Wilde, Truman Capote, John Steinbeck, Ingmar Bergmann, Francis Ford Coppola, Leonard Bergman, Marlene Dietrich, Greta Garbo, Federico Fellini, Cary Grant, Gregory Peck, Elisabeth Taylor u Woody Allen kollha żaru Taormina li hi msejħa bħala l-perla mhux biss ta’ Sqallija, iżda tal-Mediterran. 

Hi belt sofistikata ħafna u ekonomikament hi ferm differenti mill-bliet oħra Sqallin. Din il-belt kienet il-kapitali ta’ Sqallija fi żmien il-Biżantini fis-seklu 9 u wieħed jista’ jqisha bħala belt medjevali priservata kważi b’mod perfett. Jekk wieħed idurha sew jara li hemm postijiet moħbija li huma spettakolari.

Il-wirt li ħallew id-diversi razez li ħakmuha

Il-passat ta’ Taormina hu wieħed imqanqal, il-Griegi, ir-Rumani, il-Biżantini, l-Għarab, in-Normanni, is-Swabi, il-Franċiżi u l-Ispanjoli kollha ġew, ħakmuha u telqu.

U bħal dejjem ħafna ħallew wirt naturali. Fejn l-akbar monument ta’ Taormina hu bla dubju t-teatru Grieg. Priservat b’mod maestuż u jinsab fl-isbaħ lokalità ta’ din il-belt. Mibni kważi kollu kemm hu bil-brikks u għalhekk probabbilment ġej minn żmien ir-Rumani. Għalkemm il-pjanta ta’ kif inhu mibni u l-arranġament tiegħu hu ta’ stil Grieg aktar minn dak ta’ teatru Ruman. Dan ifisser li t-teatru Grieg ġie mibni mill-Griegi iżda r-Rumani komplew ikabbruh għall-manifestazzjonijiet tal-massa u b’hekk komplew jibnu fuqu bl-istil taghhom. Dan it-teatru hu t-tieni l-akbar fi Sqallija wara dak ta’ Sirakuża u jintuża għal diversi kunċerti u opri fejn minnu wieħed jista’ jara l-vulkan Etna bid-duħħan ħiereġ minnu u jekk iħares ’l isfel igawdi l-bajja ta’ Naxos.

Passiġġata, ikla u xarba tajba matul Corso Umberto

L-aktar triq imsemmija f’din il-belt hi Corso Umberto li tibda minn Bieb il-Belt fejn wieħed isib is-simbolu tal-istorja kkulurita ta’ Taormina: Palazzo Corvaja. Minn hemm wieħed jista’ jippassiġġa matul din it-triq mimlija ħwienet ta’ ċertu kwalità, jiġifieri jekk fi ħsiebkom tixtru xi ħaġa minn hawn, tistennewx bargains. Mat-triq wieħed isib fejn jiffriska griżmejh b’xi xarba tajba tal-lumi jew xi granita (li aktar tqabbdek għatx), timla żaqqek b’xi platt għaġin jew pizza unika kif jafu jagħmlu hawn, aranċini u kannoli kemm trid, inkella xi flixkun birra jew xi tazza nbid fil-Pjazza Duomo fejn normalment jitolbuk tħallas aktar milli suppost, għax tkun turist. Għalhekk nagħtikom parir biex ma tpoġġux f’xi bar jew ristorant fil-pjazza fejn ikun hemm id-daqq għax tħallas biz-zalza anke ta’ drink (esperjenzajt €12 għal grokk whiskey ħbieb). Interessanti wkoll il-funtana Barokka u żjara fil-Katidral dedikat lil San Nikola ta’ Bari. Filwaqt li mill-belveder wieħed jara spettaklu naturali tal-Etna (li tkun fortunat jekk ikun qed jiżbroffa) u tal-bajja ta’ taħt Taormina, Isolabella, taħt Taormina hi magħrufa bħala Taormina Mare jew kif isejħulha n-nies tal-lokal Mazzaro. 

Jekk hemm minnkom li jfittxu l-ħajja ta’ bil-lejl bi klabbs, inkella discos u ħajja Notturna mqanqla, allura nsew li toqogħdu Taormina alta, u għalhekk morru Giardini Naxos li wieħed jasal għalihom bil-cable car li tinżel kull kwarta nkella bit-trasport pubbliku. 

X’tiekol u fejn tiekol f’Taormina

Nagħtikom parir li ma tiklux fir-ristoranti li hemm f’Corso Umberto iżda duru dawra f’dawk it-toroq ċkejkna pittoreski, ta’ madwar din it-triq fejn tistgħu ssibu ristoranti jew pizzeriji li tidħol minn bieb ċkejken iżda fuq wara jkollhom terrazzo bi spettaklu naturali. Meta tkun Taormina ħudu ħsieb li tieklu l-arancini al pistacchio di bronte, speċjalità tagħhom, pizza con granella di pistachio, granita tal-lumi, kannoli u l-pasta b’kull tip ta’ zalza li tinżel tajjeb b’xi flixkun inbid Sqalli. Ħut issib ukoll iżda hemmhekk żgur li mhux il-post fejn wieħed jiekol il-ħut, dak ħalluh għal meta tkunu Giardini Naxos. 

Castelmola u l-bar falliku

Jekk int se tqatta’ xi ġranet Taormina, allura ħu ħsieb li barra li tħalli ħin biex tgħum għuma tajba, Isolabella jew Giardini Naxos, mur żur Castelmola nofs siegħa bogħod bit-trasport pubbliku miċ-ċentru ta’ Taormina fejn bi ftit ewro itellgħek fuq għolja li ġġib lil Taormina taħtek u hemmhekk tista’ titpaxxa mhux biss bix-xena spettakolari u bit-toroq dojoq medjevali ta’ dan il-villaġġ spettakolari, iżda wkoll tista tippranza f’wieħed mir-ristoranti tajbin fejn platt għaġin à la norma… mmm jinżillek għasel, iżda z-zlazi tagħhom huma magħmula għal kull gosti. Kif tkunu hemm ma tistax ma żżurux u tieħdu kafè, jew drink f’Café Turrisi li hu msemmi mad-dinja kollha, mhux biss għad-drinks speċjali tiegħu u għat-terrazza sabiħa li għandu iżda wkoll għal mod kif inhu arredat, kollu kemm hu b’simboli falliċi, sew jekk qiegħed fuq il-mejda, fuq is-siġġu u madwarek. Tidħak daħka u tixrob xarba tajba mill-inbid speċjali Vino alla Mandorla b’mod mill-aktar trankwill.

Hemm diversi destinazzjonijiet oħra qrib Taormina bħal Messina u Le Gole di Alcantare fejn hemm spettaklu naturali u wieħed jista’ jagħmel mixja madwar dawn l-irdumijiet jew anke jidħol fil-kurrent frisk tax-xmara. Dawn u oħrajn taslu għalihom jew bit-trapost pubbliku, inkella b’xi eskursjonijiet li jbiegħu madwar il-post u anke tista’ tiftiehem prezz ma’ xi vann jew taxi.

Kif tasal Taormina

L-aħjar mod biex wieħed imur Taormina hu li jmur bl-ajruplan sal-ajruport ta’ Katanja fejn minn hemm isib kowċ pubbliku li jieħdu direttament Taormina fi triq li għandha teħodlu siegħa u nofs. Nagħtikom parir li jekk se tqattgħu xi ġranet hemm, ibbukkjaw lukanda fuq l-għolja ta’ Taormina, anke jekk tħallsu ftit aktar għax filgħaxijiet hemm fuq, ġenna tal-art. Dejjem jekk ma tħobbx ħajja ta’ billejl attiva ħafna.

More in Zekzik