Akkużata egoista għax għad ma kellhiex tfal

Jennifer Aniston tirrifjuta li titpoġġa taħt pressjoni biex ikollha tarbija u tirribatti l-għidut li ma tridx familja minħabba l-karriera

Jennifer Aniston
Jennifer Aniston

Waqt intervista mar-rivista Allure, Jennifer Aniston stqarret li tħossa insultata meta tisma’ li hi wisq egoista jew iffukata fuq il-karriera tagħha tant li ma tridx tfal. L-attriċi kienet diġà qalet li temmen li hemm ħafna pressjoni fuq in-nisa biex isiru ommijiet u jiżżewġu sa ċertu żmien f’ħajjithom u ammettiet li anke hi tħoss din il-pressjoni. Iżda issa xebgħet tiġi ġġudikata dwar il-fatt li għadha ma bdietx familja mal-għarus tagħha Justin Theroux.

“Ma togħġobnix din il-pressjoni li titpoġġa fuqi, fuq in-nisa, li qisek inqast lilek innifsek bħala mara għax ma ġibtx tfal fid-dinja. Ma naħsibx li hu ġust. Forsi ma tkunx imbuttajt tarbija ’l barra minnek imma ma jfissirx li m’intix tieħu ħsieb ’il ħadieħor – klieb, ħbieb, it-tfal tal-ħbieb.”

Mhux dan biss li ndanna lill-attriċi. Imma wkoll il-kummenti żejda li spiss jintqalu dwarha  għax hi egoista u poġġiet il-karriera qabel il-familja – xi ħaġa li hi tinsisti mhix vera.

Kompliet tenfasizza kemm issir pressjoni żejda u għalxejn fuq nisa biex iwelldu. “Għandi ħafna ħbieb li ddeċidew li ma jkollhomx tfal, li ma jistgħux ikollhom tfal, jew qed jippruvaw iżda għandhom sitwazzjoni diffiċli. Hemm kull xorta ta’ raġunijiet għaliex m’hemmx tfal fil-ħajja ta’ ħafna nies u ħadd ma għandu d-dritt li jassumi. Min jagħmel hekk hu pjuttost pastaż, insolenti u injorant. Ngħidha biss ukoll titlagħli għoqla fi griżmejja.”

Minkejja li l-attriċi ma kkonfermatx jekk hix qed tipprova jkollha tfal mal-għarus, dwaru qalet li jħobb ħafna, jgħożż, hu leali u estremament protettiv fil-mod ta’ kif jieħu ħsieb il-klieb tagħhom, lilha u l-ħbieb.

More in Zekzik