Vetturi fil-Garaxx – Episodju 1: Alfa Romeo Guilia Super 1600
Niltaqgħu ma’ Ġuzeppi Deguara u l-Alfa Romeo Guglia Super 1600 tiegħu
Fl-ewwel episodju tas-sitt sensiela ta’ Vetturi fil-Garaxx lqtajna ma’ Ġuzeppi Deguara u l-Alfa Romeo Guglia Super 1600 tiegħu.
Ġuzeppi qalilna li din il-karozza kien xtraha ġdida fl-1974, ghax kienet għoġbitu immens: l-istill u d-disinn sportiv tagħha, kif ukoll il-performance u s-saħħa tal-magna.
Dil-karozza ma xtrahiex biex iżomma fil-garaxx. Kien jużaha għall-ġiri ta’ kuljum. U kien għamel ukoll sitt snin ‘impressed’ mal-gvern bħala xufier u kien juża il-Guglia għax-xogħol ukoll.
L-Alfa Romeo Giulia 1600 Super hija waħda mill-aħħar verżjonijiet tal-Giulia Super, mudell introdott fl-1965 bħala l-verżjoni sportiva u aktar raffinata tal-familja ta’ karozzi sedan Giulia, li kienet bdiet fl-1962.
Id-dilettanti spiss isejħulha “Biscione”, b’referenza għas-serp li huwa s-simbolu ta’ Milan u tal-familja Visconti, li jidher fil-wirt storiku tal-Alfa Romeo u fl-emblemi ta’ dan il-mudell.
Il-karozzerija għandha l-forma klassika u angolari tal-Giulia, magħrufa bħala l-“box”, żviluppata internament permezz ta’ testijiet fil-mina tar-riħ. Meta tnediet, il-karozza kienet imfaħħra ħafna għall-koeffiċjent baxx tar-reżistenza għall-arja, ta’ madwar 0.34.
Din hija sedan kompatta b’erba’ bibien u ħames postijiet, b’bażi tar-roti ta’ madwar 2,510 millimetru. Il-Giulia Super kienet tingħaraf mill-Giulia standard minħabba diversi dettalji, fosthom il-kromju u l-elementi dekorattivi jleqqu, l-emblemi speċifiċi u l-finitura aktar sportiva. Ġewwa, il-karozza għandha daxxbord funzjonali, iddisinjat biex jiffoka fuq is-sewwieq, strumenti ċari, sedili li jipprovdu sostenn tajjeb u l-isteering wheel karatteristiku tal-Alfa Romeo ta’ dak iż-żmien.
Il-qalba mekkanika tal-Giulia Super hija l-magna tal-Alfa Romeo b’erba’ ċilindri f’linja, b’ċilindrata ta’ 1,570 cc, magħmula kompletament mill-aluminju u b’żewġ camshafts fuq ir-ras taċ-ċilindri (DOHC). Fil-verżjoni Super, il-magna kienet tipproduċi madwar 98 PS, għalkemm iċ-ċifri ppubblikati jvarjaw skont is-suq u l-istandard tal-kejl użat.
