Nispikkaw fl-Olimpjadi Speċjali

 Din il-ġimgħa kelli l-opportunità nżur il-Logħob Ewropew tas-sajf tal-Olimpjadi Speċjali f’Antwerp fil-Belġju. L-esperjenza kienet waħda unika u nistqarr li għalkemm jien familjari mal-operat tagħhom u anke mal-atleti personalment qatt ma bsart li se taffetwani b’mod daqshekk pożittiv.

Flimkien ma’ Jean Paul, li rebaħ midalja tad-deheb fl-għawm
Flimkien ma’ Jean Paul, li rebaħ midalja tad-deheb fl-għawm

Il-fatt li konna hemmhekk magħhom u naqsmu magħhom l-eċitament u l-biża’ wkoll kienet xi ħaġa li m’għandix kliem biżżejjed biex niddeskriviha. Dan mhux jien biss ħassejtu imma wkoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, Chris Agius li konna hemm flimkien għal din l-esperjenza unika.

Kelli x-xorti wkoll li nipparteċipa fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-midalji u l-ewwel midalja li tajt kienet proprju atleta mill-kontinġent Malti - wara kien hemm atleti oħrajn Maltin li ħadu l-midalji u kemm Chris u jien konna kburin bihom u kabbarna l-ammirazzjoni kbira li għandna lejn l-atleti tagħna u fuq kollox lejn it-tim kollu li jieħu ħsiebhom taħt it-tmexxija impekabbli u ammirevoli ta’ Anna Calleja. Minn hawn nirringrazzjaha u nwegħedha li nagħti kull appoġġ possibbli lill-kontinġent kollu Malti. Lil Anna Calleja, li ħadmet fuq li ħadmet, biex ir-rappreżentanza Maltija tkun waħda b’saħħitha u ta’ valur ħdejn il-pajjiżi l-oħra Ewropej li kkompetu f’dawn l-Olimpjadi, nawguralha iktar ħidma fejjieda b’risq l-atleti tagħna. 

Ninsab ċerta li kull wieħed u waħda li pparteċipaw f’dawn l-Olimpjadi taw l-aħjar tagħhom meta kkompetew waqt il-logħob. Il-bixra ta’ wiċċhom waqt il-kompetizzjonijiet kienet taffaxxinak u tixhed determinazzjoni. Fil-fatt, għandna numru sabiħ ta’ midalji li se jġibu lura magħhom lejn Malta, u huma ħassewhom kburin mhux biss li pparteċipaw u kisbu suċċess imma fuq kollox li huma Maltin.

Waqt li konna hemm jien u Chris Agius għamilna kemm stajna kuntatti sabiex inġibu l-esperjenza lura lejn pajjiżna. Bħala Segretarjat ukoll tajna kontribut finanzjarju lit-tim Malti għaliex esperjenza bħal din tinvolvi ħafna spejjeż u allura ridna wkoll insostnu finanzjarjament lill-kontinġent Malti. 

Meta tqis li kien hemm madwar 2,500 atleta jikkompetu f’dawn il-logħob, il-fatt li l-atleti tagħna rnexxielhom jakkwistaw tant midalji hija tassew sinifikanti. Fil-fatt f’ċerimonja minnhom kont flimkien ma’ Tim Schriver li huwa l-persuna fil-quċċata nett tal-Olimpjadi Speċjali tad-dinja u appuntu tkellimna fuq hekk għaliex spikkat id-determinazzjoni tat-tim Malti. Waqt li konna qed nitħaddtu staqsieni dwar il-possibbiltà li dan il-logħob isir xi darba Malta u dan in vista tal-involviment qawwi tal-Maltin. Stqarrejt miegħu li jien u Chris Agius għandna din il-ħolma u assigurani li jekk se nagħmlu l-ħsieb se nsibu l-appoġġ tat-tim kollu tiegħu. Fil-fatt ukoll iltqajt mal-persuna li se tkun inkarigata mill-Olimpjadi Speċjali tad-dinja li se jsiru s-sena d-dieħla f’Los Angeles u tkellimna fit-tul dwar x’jinvolvu attivitajiet bħal dawn.

Waqt li konna hemm jien u Chris Agius attendejna wkoll għal konferenza dwar il-familji tal-atleti tal-Olimpjadi Speċjali. F’din il-laqgħa kien hemm rappreżentanti minn kull pajjiż li kien qiegħed jikkompeti f’dawn l-Olimpjadi. Waqt din il-konferenza jien u Chris Agius sħaqna li kif dejjem għamilna, se nibqgħu u nkomplu nagħtu l-kontribut tagħna lill-Olimpjadi Speċjali ta’ Malta. 

Waqt dan is-seminar ġie preżentat il-Young Athletes Programme u saret preżentazzjoni tajba ħafna minn Simone Attard li hija r-rappreżentant ta’ din l-entità fil-World Disability Union. Minn din il-preżentazzjoni ħareġ ċar u tond li l-Olimpijadi speċjali mhumiex biss il-logħob imma hija xi ħaġa iktar profonda u importanti li permezz tagħha mhux l-atleti biss imma wkoll il-familjari tagħhom isibu dik in-niċċa li tippermettilhom jiżviluppaw it-talenti tagħhom u tippermetilhom ukoll jissoċjalizzaw u jiddixxiplinaw ruħhom bit-tiswir tal-valuri sportivi.

Ħadna wkoll l-opportunità li nduru s-sezzjonijiet differenti fl-Expo ġewwa Antwerp. Qabel ma beda l-logħob sar eżerċizzju estensiv ta’ screening, fejn l-atleti ġew invistati minn diversi tobba u esperti f’oqsma differenti. Waqt li konna hemm irrealizzajna li dawn il-logħob għandhom utilità u kemm jiftħu opportunitajiet. Fil-fatt jinvistawlhom għajnejhom, widnejhom, l-għadam, snien u minn dawn il-visti jkunu jistgħu jidentifikaw diversi problemi li mbagħad ikunu jistgħu jiġu kkurati. Kien hemm mijiet ta’ tobba u speċjalisti u dan kollu b’xejn u taħt saqaf wieħed. Wara l-vista jingħataw ukoll prodotti li jkollhom bżonn fosthom ukoll nuċċalijiet tal-vista u tax-xemx.

Akkwistajna ħafna informazzjoni minn hemm u fuq kollox qed issir ħidma biex minn dawn il-visti tinkiseb l-informazzjoni għar-riċerka fuq diżabbiltajiet differenti bil-għan li eventwalment ukoll tiġi maħluqa database biex tinġabar l-informazzjoni kollha fuq kull persuna li tiġi invistata bl-iskop ukoll li jkun hemm kontinwità. Dan huwa proċess li aħna bħala Segretarjat qed nippreparaw biex ikollna f’pajjiżna permezz tan-National Database.

Personalment tgħallimt ħafna u fuq kollox imtlejt b’entużjażmu u kuraġġ għaliex kull fejn morna u ma’ kull min tkellimna stmawna fuq wiċċ l-idejn. Dan jixhed li l-Olimpjadi Speċjali f’Malta għandhom riljev u jgawdu minn rispett u sostenn enormi u għalina bħala pajjiż dan għandu jagħmilna wkoll kburin. Il-midalji huma importanti u nifirħu bihom iżda nibqa’ ngħożż l-emozzjonijiet li qsamt mal-atleti tagħna u mal-kontinġent Malti. Grazzi tassew u mill-qalb.

More in Il-punt