Mhux miri, imma azzjoni...

minn Claudette Abela Baldacchino

Skont il-miri tal-Unjoni Ewropea, in-numru ta’ nies li jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar, kellu jonqos sostanzjalment sas-sena 2010. Minflok naqas, in-numru żdied. U issa l-Unjoni Ewropea stabbiliet miri ġodda li suppost għandhom jintlaħqu sas-sena 2020. Imma diġà jidher ċar, u dan qiegħda tammettih anke l-Kummissjoni Ewropea, li dawn il-miri mhumiex se jintlaħqu.
Ir-raġunijiet jistgħu jkunu diversi. Imma fl-opinjoni tiegħi, raġuni ewlenija hija ħafna mill-gvernijiet tal-pajjiżi membri mhumiex jgħarfu kif jistgħu tal-inqas itaffu l-problema, jekk soluzzjoni tidher li għada fil-bogħod.
Ħames snin ilu, tul il-kampanja tal-elezzjoni għall-Parlament kont għamilt wegħda lill-poplu Malti u Għawdxi li jekk jagħtini l-fiduċja kont se nagħmel ħilti biex nara li jkollna Ewropa aktar soċjali. Ewropa li taħdem aktar għal drittijiet indaqs għal kulħadd. Irrispettivament jekk hux mara jew raġel. Irrispettivament mit-twemmin tiegħu, kemm reliġjuż jew politiku, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tiegħu jew tagħha.
Kont għamilt din il-wegħda għax kont konxja ta’ kemm kien hawn, u għad hawn, nies li jgħixu fil-faqar jew f`riskju ta’ faqar. Mhux biss f`pajjiżna, imma anke f’pajjiżi oħra fl-Ewropa. U meta ngħid pajjiżi oħra fl-Ewropa, ma nkunx qiegħda nirreferi biss għal dawk il-pajjiżi qabel kienu jiffurmaw parti mill-Ewropa tal-Lvant, imma anke pajjiżi fil-punent tal-Ewropa li huma meqjusa fost l-aktar pajjiżi żviluppati.
Kont għamilt din il-wegħda għax kont konxja ta’ kemm kien hawn, u għad hawn, ħaddiema sfruttati b`’xogħol prekarju b’salarji miżeri u kundizzjonijiet tax-xogħol mill-agħar. Kont konxja wkoll ta’ kemm kien hawn, u għad hawn nisa mċaħħda minn opportunitajiet indaqs.
Kien għalhekk li tul is-sena li ilni membru tal-Parlament Ewropew ħtaft kull okkażjoni li kelli biex tkellimt u ħdimt favur id-drittijiet tan-nisa. Favur dawk li qegħdin jgħixu fil-faqar jew f`riskju ta’ faqar u f’esklużjoni soċjali. Favur id-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż id-dritt li jkollhom mhux biss impjieg, imma impjieg diċenti.
Il-miżuri ta’ awsterità li l-Unjoni Ewropea ġiegħlet lil għadd ta’ gvernijiet ta’ pajjiżi membri biex idaħħlu propju minħabba problemi ekonomiċi u finanzjarji li dawn kienu, u għadhom iħabbtu wiċċhom magħhom. Ma naħsibx li hemm għalfejn noqgħod infakkarkom fil-protesti kbar li saru fil-Greċja, fi Spanja u anke f’pajjiżi oħrajn kontra dawn il-miżuri.
Illum nistgħu ngħidu li kulħadd qiegħed jaqbel li dawn il-miżuri ma rnexxewx. Anzi fallew, u fallew bil-kbir għax wasslu għal sensji; wasslu għal aktar tbatijiet għall-ħaddiema u l-pensjonanti, u allura wasslu biex komplew żiedu n-numru ta’ nies li jgħixu fil-faqar u f’riskju ta’ faqar.
Dan kollu ġara għax għal snin twal, dawn il-pajjiżi kellhom gvernijiet li ma għarfux imexxu bil-għaqal. Kellhom gvernijiet li nefqu bl-addoċċ, bla ebda ppjanar. U l-konsegwenzi eventwalment kellhom ibatuhom iċ-ċittadini, bil-ħaddiema u l-familji tagħhom fuq quddiem nett.
L-istess kien qiegħed jiġri f’pajjiżna. Kellna gvern li kien qiegħed jonfoq bl-addoċċ bla ebda ppjanar ta’ xejn. Kellna gvern li kien jiġi jaqa’ u jqum minn dak li kien għaddej f’kumpaniji suppost taħt il-kontroll tiegħu. Biżżejjed nirreferu għal dak li kien għaddej fl-Enemalta. Serq ta’ miljuni kbar ta’ ewro, biċ-ċittadini onesti jbatu l-konsegwenzi b’kontijiet tad-dawl u tal-ilma eseġerati u bil-Prim Ministru jivvota bil-qalb kontra traħħis tal-kontijiet.
Illum l-istorja nbidlet. Propju minn dan ix-xahar, il-familji Maltin u Għawdxin bdew igawdu minn kontijiet orħos grazzi għat-twettiq tal-wegħda tal-Partit Laburista li ħaddieħor kien jgħid li ma setgħetx titwettaq, tant li kien sejħilha Alice in Wonderland.
Bdew igawdu minn Childcare Facilities b’xejn ukoll.  
Fil-verità fil-ġlieda tiegħu biex jonqos il-faqar f’pajjiżna, il-Gvern Laburista qiegħed imur aktar ’il bogħod minn dak li wiegħed.
Il-Presidenza ta’ Marie Louise Coleiro hija deċiżjoni oħra li ser twassal lil pajjiżna jkun l-għira ta’ pajjiżi oħra.
Ma nistax ma nfakkarx ukoll fl-inizjattiva fejn il-gvern għen finanzjarjament lil dawk it-tfal li qegħdin jgħixu fil-faqar u f’riskju ta’ faqar. Imma meta ngħidu għajnuna finanzjarja m’aħniex sempliċiment nitkellmu dwar flus fil-but li allura kulħadd jonfoqhom kif irid. Le, qegħdin nitkellmu fuq investiment għal ġejjieni ta’ dawn it-tfal, għax dawn il-flus iridu jintefqu primarjament biex dawn it-tfal ikollhom l-opportunità jieħdu edukazzjoni bħal tfal oħrajn bit-tama wkoll li dawn it-tfal ma jibqgħux soċjalment esklużi.
Hekk jimxi gvern bil-għaqal. Hekk qiegħed jimxi l-Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat.

Claudette Abela Baldacchino hija membru parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista

More in Il-punt