
L-Omm li tatna isimha! Mhux biss vers mill-Innu Malti, imma wkoll kollezzjoni tal-ħwejje
L-ILLUM ltaqgħet mal-moħħ wara l-kollezzjoni, Ritienne Zammit

Kif dħalt fid-dinja tad-diżinjar tal-ħwejjeġ?
Il-kreattività kien suġġett li dejjem kont nieħu gost nesperimenta bih. Studjajt il-qasam tad-diżinn u l-arti - biss dejjem kelli il-ħtieġa biex niffoka fuq il-moda. Bdejt nesperimenta bil-materjali biex dejjem nipprova noħloq xi ġa differenti mis-soltu.
Taħseb li persuna tista' tgħix minn hekk biss?
Forsi jista’ ikun daqsxejn diffiċli biex tgħix minn qasam tal-moda biss, speċjalment sakemm tkun għadek qed tiżviluppa u anke jekk ikollok still li ikun daqsxejn differenti min-norma. Biss nemmen li industrija tal-moda qeda tikber ħafna u b’mod aktar veloċi.
Fl-aħħar kollezzjoni tiegħek rajna inspirazzjoni minn poeżiji u tradizzjoni letterarja Maltija - kif bdiet din l-idea?
L-idea ghal din il-kollezzjoni L-Omm li tatna isimha! bdiet billi bdejt inħares u nosserva il-bidla li qed issir u nuqqas ta’ apprezzament lejn l-identità u lingwa tagħna. B’din il-kollezzjoni ridt infakkar lil dawk il-persuni li ħadmu favur l-Indipendenza u li dejjem apprezzaw u iġġieldu favur art tweliedhom.
Xi tfisser il-kultura u t-tradizzjoni Maltija għalik?
Il-kultura u tradizzjoni huma dawk iż-żewġ suġġetti li jagħmluna differenti minn popli oħra.
Fhiex issib l-inspirazzjoni għall-kollezzjonijiet?
Nista’ ngħid li għalija l-inspirazzjoni tista’ tiġi minn kollox. Inħobb li nidħol fil-fond tas-suġġett biex b’hekk inkun nista nesprimih b’mod differenti.
Taħseb li permezz ta' mezzi aktar "cool" bħalma hija l-moda, tista' titwassal il-kultura Maltija lil udjenza li forsi ma tkunx taf biha? B'mod partikolari żgħażagħ?
Iva, nemmen li il-qasam tal-moda jista’ ikun mezz ta’ media. Jien għalija il-moda qeda hemm mhux biex sempliċi twassal l-istil, imma ukoll biex twassal messaġġ u espressjoni. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa jinspiraw u anke jinfluwenzaw ruħhom minn din l-industrija. Allura tista’ tkun mezz tajjeb kif twassal taghlim lejn din il-ġenerazzjoni.
Il-ħwejjeġ għalik personali xi jfissru?
Il-ħwejjeġ huma il-mera tal-individwu, kif diġà spjegajt qabel jistgħu jkunu ukoll l-espressjoni. Illum hawn ħafna individwi li jfittxu stili diffirenti biex jidhru jispikaw min-norma.
Taħseb li l-industrija tal-moda hawn Malta fadliliha x'taqdef? Kif?
Jien nemmen li dawn l-aħħar snin għamilna qabża kbira. Hawn ħafna aktar apprezzament u investiment lejn din l-industrija. Il-poplu Malti qed juri aktar interess anke lejn il-prodott lokali.
Kif tħoss li dak li tiddiżinja jirrifletti lilek innifsek?
Bħall-arti, il-moda hija espressjoni tal- individwu.
X'inhu l-proċess involut meta tibda kollezzjoni ġdida - mit-tpenġija sal-prodott finali?
Il-proċess jibda b’ricerka fuq il-kunċett u l-inspirazzjoni. Wara jibdew jintagħżlu l-materjali u il-kulur. Imbagħad ikun imiss li jibda il-proċess tad-diżinji u wara il-kompożizzjoni u manifattura. Wara jsir it-tiġrib u joħroġ il-prodott finali. Wara dan kollu jibda wkoll il-proċess tal-preżentazzjoni.
Hemm xi pjanijiet għall-futur?
Xejn partikolari. Nixtieq li nkompli nesperimenta f’dan il-qasam u nwassal l-espressjoni u l-arti.