Ħames Minuti ma' Duncan Azzopardi

Duncan Azzopardi m’għandu bżonn ebda introduzzjoni ma’ dawk il-ħafna telespettaturi televiżivi li jħobbu jsegwu id-drama Maltija. Bħala attur ħadem f’diversi serje televiżivi iżda l-professjoni proprja tiegħu hi dik ta’ parrukkier u għandu s-salon tiegħu. Żgur li mal-klijenti jsib ħafna xi jgħid waqt li jkun qed jaqtagħlhom xagħarhom.

Duncan Azzopardi
Duncan Azzopardi

Meta twelidt u taħt liema stilla taqa’?

Twelidt fit-2 ta’ Diċembru 1983 taħt l-istilla Sagittarius. Assolutament ma nemminx b’dawn l-istilel però.

Kif tiddeskrivi tfulitek?

Pjuttost normali jekk trid issejħilha hekk. L-iktar ħaġa li niftakar hi li jien u ħija konna nistennew bil-ħerqa l-vaganzi tas-sajf fejn konna nqattgħu l-maġġor parti tagħhom għand in-nanna. Konna ffissati fuq il-kartuns Ġappunizi u konna naddu sigħat twal narawhom. Nista’ ngħid ukoll li kont xi ftit mistħi meta kont żgħir.

Minn dejjem ridt issir parukkier?

Le ta! Għall-ewwel kont ngħid dentist. Kont bdejt nistudja x-xjenzi imma ma ħadthomx daqshekk bis-serjetà. Ili erbatax il-sena parrukkier b’għaxra minnhom naħdem għal rasi. Ma jiddispjaċini xejn għax tgħallimt ħafna. Issa ta’ tletin sena, erġajt bdejt nistudja. Dħalt l-Università fejn qed nagħmel kors filgħaxija fiż-żgħażagħ u l-komunità li jwassal għal degree.

X’ġibdek lejn il-palk?

Meta kelli xi 14/15-il sena kont fi grupp taż-żgħażagħ u konna nagħmlu l-paegent tal-Ġimgħa l-Kbira. Jien kont nagħmilha ta’ Kristu imma ħadd minnha ma kien attur u ftit kont naħseb li se nieħu din il-linja b’tant serjetà. Xi ftit snin wara ltqajt ma’ Carlos Farrugia fejn ħajjarni nieħu kors tad-drama miegħu. Minn hemm ’il quddiem ma ħaristx lura.

Liema kienu l-aktar karattri diffiċli li interpretajt?

Kull karattru joffri sfida skont kemm inti tisfidah. Hemm min jibqa’ fuq il-qoxra ta’ barra u jiffoka fuq l-apparenza biss, u hemm min jiddeċiedi li jidħol aktar fil-fond fl-emozzjonijiet u anka l-moħħ tal-karattru. Bla dubju l-iktar karattru li kien fih xogħol huwa meta interpretajt ‘L-Iskrivan’ fid-dramm ta’ Oreste Calleja ‘Satira’. Mhu ħa ninsieh qatt.

Ħdimt ma’ diversi atturi magħrufa, hemm xi ħadd minnhom li jispikka iżjed minn oħrajn u għaliex?

L-iktar ħaġa li nfittex fl-atturi li naħdem magħhom speċjalment dawk iktar stabbiliti hija l-umiltà. Wieħed partikolari li jispikka f’moħħi huwa Anthony Ellul. Attur bravissimu ta’ esperjenza kbira però baqa’ dejjem b’saqajh mal-art. Hekk irrid inkun jien. Bħala direttur ma nistax ma nsemmix lil Albert Marshall li għallimni immens u qatt ma nista’ nieqaf nirringrazzjah tal-fiduċja li dejjem kellu fija.

Il-proġett li jmiss . . .

Proġetti ħeħe. Bħalissa qed niffilmja serje televiżiva għas-sajf ‘Tfesfisa’, kif ukoll għandi parti prinċipali f’serje oħra li se tibda f’Ottubru bl-isem ta’ ‘Rifless’ fuq ONE. F’Settembru se nieħu sehem fil-One Acts Festival tal-MADC bħala direttur kif ukoll qed nidderieġi xi xogħol għall-istudenti. Kif jgħidu l-Ingiliżi ‘Never a dull moment’. 

Kulħadd jgħaddi minn xi mumenti diffiċli fil-ħajja, x’inhu dak li jgħamlek kuntent?

L-affarjiet żgħar u sempliċi. Fuq kollox il-kumpanija tal-ħbieb u l-familja. Barra dawk naħseb mument sabiħ għal kull attur huwa wara xi reċta waqt il-curtain call. L-emozzjoni ta’ teatru mifqugħ bin-nies iċapċap hija indeskrivibbli.

Tħobb is-sajf u l-baħar . . . 

Is-sajf inħobbu ħafna, il-baħar mhux daqshekk. Fis-sens immur imma mhux se ngħamillek xi sigħat ġol-ilma. Iktar issibni fuq id-deckchair b’xi gazzetta u flixkun birra.

Il-qawl Malti favorit tiegħek?

Alla jagħlaq bieb u jiftaħ mija.

More in Hames Minuti