Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo f’laqgħa ma’ diversi negozjanti Għawdxin.
Se jsir investiment f'SME village biex din l-industrija tingħata l-ispazju li għandha bżonn
Waqt li kien qed jindirizza laqgħa ta’ konsultazzjoni, ma’ diversi negozjanti Għawdxin li jispeċjalizzaw f’ikel u xorb tradizzjonali Għawdxi, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo sostna l-importanza tal-industrija sabiex jinħolqu impjiegi sostenibbli f’Għawdex. Il-Ministru semma wkoll l-importanza tal-ikel tradizzjonali Għawdxi, il-ġenwinità tal-prodott u kif dawn jistgħu jkollhom sehem fundamentali sabiex ikompli jikber dan is-suq.
Il-Ministru semma kif l-ekonomija Għawdxija kibret b’4.8% fl-ewwel sena ta’ din l-amministrazzjoni. Fost is-setturi li kibru f’Għawdex wieħed jista’ jinnota li fost l-oħrajn hemm il-qasam tal-agrikultura u s-sajd, is-settur kummerċjali u tal-industrija.
Huwa semma d-diversi inizjattivi u inċentivi mħabbra fil-budget fosthom taħriġ fuq x-xogħol. Fil- fatt minn din s-sena, ser tiġi mnedija Training Pays, li permess tagħha se jiġu mħeġġa aktar persuni jieħdu t-taħriġ li għandhom bżonn billi jiġi ssussidjat parti mill-ħlas fuq it-taħriġ.
Il-Ministru semma wkoll assistenza għall-istart-ups. Irrefera wkoll inċentiva oħra li biex jinħolqu impjiegi ġodda mas-settur privat f’Għawdex għal kull impjegat li jiġi offrut kuntratt ta’ tliet snin jew iżjed, tingħata rifużjoni ta’ 20% tal-paga medja ta’ impjegat sa massimu ta’ €5,000.
Huwa qal kif il-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jinvesti f’SME village. Dan l-investiment ser jgħin biex jingħata dak l-ispazju tant importanti li jgħin lil din it-tip ta’ industrija. Investiment li ntlaqa’ b’mod pożittiv minn dawk preżenti.
Il-Ministru Refalo sema’ d-diversi kummenti u suġġerimenti mingħand in-negozjanti preżenti waqt li tenna l-viżjoni tal-Gvern hi li Għawdex ikun dak il-mutur ekonomiku li jixpruna l-ekonomija.
Xi wħud esprimew ix-xewqa li l-prodott lokali jkun aktar mħares biex b’hekk tiġi mħarsa l-ġenwinità tal-prodott Għawdxi. Dan jinċentiva lill-bidwi u lin-negozjant biex jinvensti fil-prodotti lokali. Punt importanti li ġie diskuss kien il-bżonn ta’ ħafna aktar edukazzjoni f’dan ir-rigward. Kulħadd għandu jkunu infurmat fuq il-ġenwinità tal-prodott imkabbar lokalment biex b’hekk dan is-settur ikompli jikber u għaldaqstant min jixtri prodott lokali ikun qed jinvesti f’Għawdex.