President ġdid għal Assoċjazzjoni ta’ NGOs f’Għawdex

Hemm madwar 200 NGO fil-gżira ta’ Għawdex

 

Dan l-aħħar l-Assoċjazzjoni tal-NGOs (organizazzjonijiet non-governattivi,) kellha l-laqgħa ġenerali fejn ġie magħżul il-kumitat ta’ 13-il membru, fil-fatt kienu l-membri kollha li kkontestaw din l-elezzjoni u l-kumitat il-ġdid unanimament ħatar president ġdid, li hu Saviour Grech.

Saviour Grech għandu 62 sena u huwa rtirat mid-dipartiment tal-edukazzjoni mal-Gvern bl-etá, fejn kien anke Kap ta’ Skola minbarra għalliem. Saviour xtaq li kieku estendewlu l-etá tal-irtirar għax xtaq jibqa’ jaħdem iżda dan baqa’ ma sarx. “Ma ridtx nirtira mix-xogħol, iżda bqajt attiv billi naħdem għal rasi bħala konsulent għall-fondi Ewropej u proġetti, u ddeċidejt li nagħti kontribut lill-gżira tiegħi fuq bażi volontarja.” Fil-fatt, bħala President tal-Għaqda tal-NGOs m’għandu l-ebda onorarja.

 

L-Assoċjazzjoni tal-Organizzazjonijiet non-Governattivi Għawdxin, (Gozo NGOs Association) twaqqfet fuq inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex fl-2003 bl-intenzjoni immedjata li jkun hemm rappreżentanza fuq il-Kumitat li kien se jibda jaħdem biex jalloka l-ewwel fondi Ewropej fi proġetti tal-Ministeru.

Infatti, il-laqgħa li fiha għadda l-istatut u ġie elett l-ewwel kunsill, saret fis-Sala tal-Ministeru fil-preżenza tal-Ministeru u tas-Segretarju Permanenti. Għajnuna importanti kienet l-użu taċ-Ċentru tal-NGOs u ta' servizzi mill-Ministeru bla ħlas fejn ingħatalhom bini fix-Xewkija.

L-ewwel president tal-Assoċjazzjoni kien Antoine Vassallo li bħala President, ġie mistieden għal bosta laqgħat biex jisħaq favur is-settur tal-volontarjat u anki biex jippreżenta lill-barranin dan l-aspett essenzjali tal-assoċjazzjoni.

Fost l-attivitajiet li l-Kunsill kien involut fihom fl-ewwel snin, kien hemm seminar fl-2003 stess dwar possibilitajiet ta' fondi mill-UE u żjara Klausenhof minn rappreżenti ta' xi għoxrin għaqda. L-ewwel preżentazzjoni tal-abbozz ta' liġi dwar il-volontarjat organizzah l-ewwel kumitat, u Vassallo ntagħżel biex jirrapreżenta n-non-enrolled VOs fl-ewwel Kunsill tal-Volontarjat li twaqqaf b'din il-liġi.

Il-mira tal-Gozo NGOs association tibqa' li joffru sostenn lill-għaqdiet kollha, żgħar u kbar. Rappreżentanti minn sitta minnhom ipparteċipaw fi żjarat fil-Greċja u l-Italja. Opportunitá kbira għan-networking kienet 10 snin ilu meta ġiet organizzata l-‘Gozo Day’ bħala konklużjoni għall-NGO Forum fi żmien iċ-CHOGM.

 

Ix-xogħol minn din l-assoċjazzjoni baqa’ għaddej anke taħt Presidenzi oħra fejn f’dawn l-aħħar tliet snin ġie organizzat u ċċelebrat il-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat f’Għawdex. Sar ftehim mal-Malta Communications Authority u saru installazzjonijiet ta’ 11-il laptop ġewwa ċentru għat-tagħlim tal-kompjuters għall-pubbliku, fejn b’kollox attendew aktar minn 500 persuna għal dawn il-korsijiet. Saru anke konferenzi u laqgħat pubbliċi mal-kandidati għal-elezzjoni tal-MEPs. Ġew anke organizzati l-Gozo NGO Award dawn l-aħħar sentejn. Saru anke proġetti bħal Benniena ta’ Drawwiet u proġett tal-Mużajk.

 

Il-President il-ġdid qalilna li hemm qrib il-200 NGO f’Għawdex u meta staqsejtu fiex jikkonsisitu dawn l-għaqdiet volontarji, huwa qalli li dawn jinkludu għaqdiet filarmoniċi, folkloristiċi, u kulturali flimkien ma’ oħrajn sportivi, filantropiċi u soċjali li jaħdmu kemm fuq bażi lokali kif ukoll fuq dik reġjonali. Hu fatt li hemm diversi għaqdiet żgħar li kollha huma volontarji, iżda hemm ukoll għaqdiet kbar bħal, Din  l-Art Ħelwa, Federazzjoni Għawdxija Persuni Diżabilita, Friends of the Sick & Elderly, GTA, GBC, Oasi Foundation, Fondazzjoni Nanniet, fost l-oħrajn.                              

                                  

L-għan ta’ din l-għaqda huwa wieħed nobbli li tirrapreżenta dan is-settur Għawdxi. Kif ukoll l-għan li tesponi u tippromwovi l-ħidma siewja li jwettqu bosta għaqdiet mhux governattivi li huma impenjati fil-qasam tal-volontarjat f’Għawdex. Filwaqt li nfaħħar l-impenn ta’ għadd sabiħ ta’ persuni li jaħdmu fil-qasam tal-volontarjat f’Għawdex, infakkar kif dan l-impenn jirriżulta f’ħidma siewja għall-ġid tas-soċjetà Għawdxija.

 

“Wieħed għandu jħares lejn il-qasam tal-volontarjat u tal-Organizzazzjonijiet Non Governattivi f'Għawdex bħala wieħed b'saħħtu, li jipprovdi opportunitajiet uniċi għall-kwalità ta' ħajja aħjar fil-gżira, partikolarment fid-dawl ta' servizzi jew attivitajiet fejn iż-żieda fl-effiċjenza tal-produzzjoni kif ukoll fl-ammont tal-produzzjoni tipprojbixxi l-iżvilupp tagħhom fuq bażi kummerċjali. Il-futur ta’ dan is-settur huwa f’idejna, din l-għaqda hija biss għodda li skont kif wieħed jużaha, tista’ tagħmel ġid, però tista’ tagħmel ħsara wkoll.”

 

Dan l-aħħar qamet kontroversja fil-media dwar xi teħid ta’ fondi, u meta staqsejt lill-president il-ġdid dwar dan,  qalli li l-assoċjazzjoni qed tiġi akkużata li tieħu xi fondi, però “jien għandi f’idejja l-‘audited accounts’ tal-aħħar sena u ma jirriżultali l-ebda nuqqas. Jien nista’ naħlef għal dak li għandi f’idejja. L-assoċjazzjoni ma tqassam l-ebda forma ta’ fondi lill-għaqdiet li huma affiljati magħha. Kull ma tagħmel l-assoċjazzjoni hu li bħal entitajiet oħra mhux Governattivi, tapplika għall-għajnuna taħt id-diversi skemi li minn żmien għal żmien, diversi istituzzjonijiet joffru lill-għaqdiet mhux Governattivi. Il-fondi li l-assoċjazzjoni tirċievi mingħand l-entità li tkun nediet l-iskema, jiġu użati biex ikun jista’ jiġi implimentat il-proġett.”

 

Jidher li l-presidenza l-ġdida ta’ Saviour Grech bdiet daqsxejn fuq sieq ħażina meta barra l-problema tal-fondi, issemma’ ħafna l-fatt li fil-kumitat hemm kandidat għall-elezzjoni mal-PN, li hu Ryan Mercieca u li qamet kwistjoni dwar jekk dan setax ikun bħala NGO meta jista’ jieħu vantaġġ għalih nnifsu.

Saviour Grech qalilna li kandidat għall-elezzjoni jkun kandidat meta jitfa n-nomina tiegħu uffiċjalment, “barra minn hekk, m’hemm xejn fl-istatut li tgħid li kandidat ma jistax ikun membru fl-assoċjazzjoni. Għalkemm nemmen li tkun etika kieku meta jitfa’ n-nomina uffiċjalment, dan jirtira mix-xogħol fl-assoċjazzjoni sa ma tgħaddi l-elezzjoni.”

“Jien ma jdejqunix kandidati politiċi għax taf eżatt x’inhi l-aġenda tagħhom, jinkwetawni dawk li ma tafx l-aġenda tagħhom x’inhi.”

Saviour qalli li meta tħajjar jimmilita f’din l-assoċjazzjoni kien hemm min qallu li aħjar jistenna ftit għax din l-assoċjazzjoni kienet għaddejja minn xi turbulenzi  “Meta ndunajt li għandi l-appoġġ u bdejt nilmaħ l-imbatt, kont aktar riżolut li nkun hemm. Mill-ewwel bdejt naħdem biex l-elezzjoni ssir aktar fi trasparenza u b’ċertu serjetà fejn in-nominazzjonijiet tlabt li jiġu kollha ssiġillati. Għalkemm skantajt kif l-ismijiet xorta ħarġu fil-media, meta aċċess għalihom kellhom biss it-tliet kummissarji elettorali li nħatru mill-eks president, Charles Zammit. Iżda issa nixtieq li dan il-kapitlu jingħalaq darba għal dejjem u nibdew naħdmu għall-ġid tal-volontarjat f’Għawdex. Flimkien irridu naħdmu biex inneħħu s-suspetti li nħolqu u l-eks president li hu membru tal-kumitat jgħaddi l-‘handover tiegħu għax s’issa kien skużat u m’attenda l-ebda laqgħa tal-kumitat.”

Saviour Grech qal li jrid jaħdem biex l-assoċjazzjoni tkun vuċi għall-Għawdxin u jwassal il-messaġġ tal-volontarjat fil-kumitat li huma rappreżentati fih fl-MCESD tar-reġjun ta’ Għawdex.

 

 

 

 

More in G?awdex