Għawdex 2015… Sena ta' suċċess fil-kummerċ, turiżmu u proprjeta

Żieda ta’ 40% fil-bejgħ tal-proprjetà ...Żieda ta’ madwar 20% fil-bejgħ kummerċjali.....Żieda ta’ 9% fit-turiżmu

Marie Grech mal-Ministru Refalo meta mar iżur Frank Salt
Marie Grech mal-Ministru Refalo meta mar iżur Frank Salt

Ħafna minna lejn tmiem is-sena nagħmlu eżami tal-kuxjenza ta’ dak li għaddejna minnu, fejn morna tajjeb u fejn morna ħażin u permezz ta’ hekk, naraw x’għandna x’nirranġaw għas-sena ta’ wara. Jidher li Għawdex għamel dan sena ilu, u dis-sena fil-fatt kellu sena mill-aqwa, fejn nies tal-kummerċ f’Għawdex qed iqisuha bħala l-aqwa sena li qatt kellhom meta mqabbla mal-aħħar snin.

Kull settur tal-kummerċ fil-gżira Għawdxija rreġistra żieda qawwija fil-bejgħ, bl-aktar settur li qed joħloq qligħ hu dak tal-proprjetà fejn iż-żieda fil-bejgħ hi dik ta’ 40% aktar mis-sena ta’ qabel speċjalment fis-suq ‘up market’ ta’ proprjetajiet li jiswew ’il fuq minn €1 miljun. Iżda anke fis-settur kummerċjali kien hemm żieda qawwija, u fit-turiżmu kien hemm reġistrat numru aktar ta’ turisti u numru aktar ta’ ljieli.

Tkellimna ma’ wħud minn dawn il-persuni li għandhom idejhom eżatt fuq l-iswiċċ tal-ekonomija Għawdxija.

Marie Grech: Branch Manager ta’ Frank Salt

“Ilni 26 sena f’dan ix-xogħol u nista’ ngħid li fil-proprjetà din hi waħda mill-aqwa snin li kellna. Kienet sena ħafna aħjar mis-snin ta’ bejn l-2009 u l-2013, li kienu snin ta’ riċessjoni, snin li affettwaw ħafna iżjed lil Għawdex minħabba li hawn m’hawnx korporazzjonijiet finanzjarji kbar. Barra minn hekk, min jixtri proprjetà Għawdex, huma dawk li jkunu jridu dar għall-vaganzi u nies irtirati ta’ bejn is-60 u 70 sena li waqfu jixtru meta kien hawn ir-riċessjoni. Iżda x-xogħol beda jżid mis-sena li għaddiet, u dis-sena definittivament kien aħjar mis-sena l-oħra. Kellna bejgħ ta’ proprjetà ‘up market’ jiġifieri ta’ proprjetà ta’ aktar minn €1 miljun fejn kellna żieda ta’ bejn il-35 u 40%.”

Grech qaltilna wkoll li l-aktar nies li qed jixtru huma l-barranin, bl-akbar klijenti jkunu l-Ingliżi, għax ir-rata tal-isterlina, hi ta’ €140,000 għal kull £100,000 u dan qed iħajjarhom jinvestu iżjed fil-proprjetà. “Anke l-inċentiv tal-bejgħ tal-passaporti għen biex dawn xtraw proprjetajiet li jiswew ħafna. Anke l-proprjetajiet ta’ bejn it-€300,000 u l-€500,000 iċċaqlaq ħafna wkoll. Fattur ieħor ta’ din iż-żieda hi li Franza għolliet it-taxxa, u dan ħajjar lil iktar barranin jagħżlu Għawdex.”

Mistoqsija dwar għaliex klijenti qed jagħżlu Għawdex, Marie Grech qaltilna li l-fatt li hemm sptar fil-gżira jgħin, għax il-klijenti iritrati l-ewwel ħaġa li jistaqsu għaliha. Qaltilna wkoll li ħafna brokers li jaħdmu fuq l-internet minn djarhom qed jagħżlu Għawdex għax hawn ħajja trankwilla, “iżda koppji li għandhom tfal żgħar u jixtiequ jiġu Għawdex, ma jistgħux għax dawn iridu jibagħtu lil uliedhom fi skejjel privati li f’Għawdex m’hawnx. Hemm ukoll min ma jixtrix post f’Għawdex għax ikun irid garanzija ta’ fibre optic cable ieħor.”

Marie Grech qaltilna wkoll li nħoloq fenomenu ġdid fis-settur tal-proprjetà, “Ħafna żgħażagħ Ewropej qed ifittxu li jikru postijiet f’Għawdex minflok jixtru, u dan ifisser li dawk in-nies li sa 4 snin ilu kienu qed ifittxu li jbigħu l-proprjetajiet tagħhom, issa qed iżommuhom u jikruhom bi prezz tajjeb. Dan ifisser li d-domanda għax-xiri ta’ proprjetà qed tiżdied u s-‘supply’ naqas u għalhekk qed nistennew li s-sena li ġejja, l-proprjetà f’Għawdex se togħla.”

Marie Grech qalet ukoll li Għawdex hemm bżonn li jirfina ftit id-difetti li għad hemm, “it-toroq marru lura wisq u għad baqa’ ħafna xi jsir, anke jekk qed isir xogħol, għad mhux biżżejjed. Nies ta’ ċertu klassi li ġejjin minn bliet kbar fl-Ewropa jistennew li fil-pjazez tagħna jkun hemm iżjed fjuri u pjazez miżmuma sew. Il-burokrazija trid tispiċċa għax dawn ma jridux joqogħdu fi kjus biex iħallsu d-dawl u l-ilma, inkella biex japplikaw għal xi permess. Barra minn hekk, is-servizzi kollha jridu jitjiebu f’kull settur speċjalment fil-catering. Mhumiex affarijiet kbar iżda jridu jitranġaw,” temmet Marie Grech.

Maria Farrugia, Amministratur f’The Duke Shopping Centre

“Kull sena aħjar minn oħra, iżda din is-sena l-ħwienet kollha qalulna li rreġistraw żieda fil-kummerċ minn 10 sa 20% u kollha jinsabu kuntenti bil-bejgħ li kellhom. Kienet sena tajba ħafna. Matul il-ġimgħa, l-bejgħ jiġi minn kulħadd, Għawdxin, Maltin u turisti barranin, iżda fi tmiem il-ġimgħa, il-bejgħ ikun mill-Maltin. Il-Malti turist, tajjeb ħafna u jonfoq ħafna. Bla dubju li l-iskema ta’ prezzijiet imraħħsa s-Sibtijiet għenet ħafna fiż-żieda ta’ kummerċ u issa qalulna li mis-sena d-dieħla l-iskema se testendi għall-Ħdud ukoll.”

Maria Farrugia qaltilna wkoll li offerti u skemi li jagħmlu l-ħwienet u ċ-ċentri kummerċjali, jgħinu wkoll fejn f’The Duke’s Shopping Centre għamlu ‘telephone booth’ fejn tfal iħallsu €2 (li jmorru għal Puttinu Cares), iċemplu lil Santa Klaws u jieħdu sehem f’kompetizzjoni, “din is-sena ħadu sehem fiha aktar minn 50% mis-sena li għaddiet.”

Mistoqsija jekk l-online shopping affetwax il-kummerċ Għawdxi, Maria qaltilna, “Mhux wisq. Għax id-differenza bejn Għawdex u Malta hi li hawn m’hawnx traffiku u m’hawnx daqshekk problemi ta’ parkeġġ. Allura n-nies jippreferu l-kuntatt personali u jixtru bil-kumdità u jippruvaw dak li jixtru. Jien indur mas-salesgirls u mal-proprjetarji tal-ħwienet u kollha jinsabu bi tbissima u jgħidulek li qed jieħdu gost li x-xogħol miexi kontinwament. Bla dubju li din kienet sena tajba grazzi għal diversi skemi li saru mill-Ministeru għal Għawdex.”

Żieda qawwija fit-turiżmu f’Ottubru

Sadanittant, l-uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika ħabbar ukoll li f’Ottubru li għadda, f’xahar fejn is-soltu jkun wieħed kwiet, kien hemm żieda qawwija minn ammont ta’ turisti li marru Għawdex u żieda qawwija fl-iljieli li qattgħu fil-gżira Għawdxija. Fil-fatt, f’Ottubru marru Għawdex 8,044 persuna li tfisser żieda ta’ 763 turist fuq Ottubru tas-sena li għaddiet. Filwaqt li kien hemm żieda ta’ 2,193 lejl li t-turisti qattgħu fil-gżira aktar minn Ottubru tas-sena ta’ qabel. Dan ifisser li din is-sena f’Ottubru kien hemm 37,561 lejl, meta mqabbel mal-35,368 tas-sena ta’ qabel.

Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 9% fl-ammont ta’ turisti li żaru Għawdex f’Ottubru ta’ din is-sena u 6.2% żieda fl-iljieli li t-turisti qattgħu fil-lukandi Għawdxin.

More in G?awdex