Estuardo Franco: Mill-art tal-Maya għall-gżira ta’ Calypso

“Għandna bżonn l-għajnuna tal-Maltin u Għawdxin biex nibnu stazzjon televiżiv fil-Gwatemala” - Estuardo

Estuardo Franco ġej minn Puerto Barrios fil-Gwatemala. Għandu 23 sena, miżżewweġ lil Abigail u missier Fatima ta’ sena. Fil-Gwatemala, Estuardo jaħdem bħala ġurnalist mas-Secreteria del Region Repubblica Guatemala. Li hi l-aġenzija tal-istat fejn hu jaħdem bħala kordinatur mat-televiżjoni, radju u ġurnal.

Dan iż-żagħżugħ mill-art tal-Maya, sab ruħu fil-gżira ta’ Calypso meta b’kumbinazzjoni waqt li Alvin Scicluna u l-crew tas-CVC kienu l-Gwatemala jżuru għat-tielet darba l-missjoni mmexxija mill-Għawdxi Dun Anton Grech, iddiskutew proġett ħolma tal-missjunarju Għawdxi. Dik li joħloq stazzjon televiżiv kommunitarju fil-Gwatemala biex ikun jista’ jilħaq aktar parruċċani. Dak il-ħin, tfaċċa Estuardo b’xi ‘cables’ u Dun Anton qallu li Estuardo jkun il-persuna adatta li kellu jmexxi dan l-istazzjon. Għax biex jagħmel dan l-istazzjon, barra l-ispiża kapitali, trid nies tekniċi u professjonisti li jkunu jridu jafu kif joperawh. Għalhekk, Dun Anton insista ma’ George Scicluna (iben Alvin) fuq Estuardo Franco li kien għadu kemm temm kors universitarju fil-ġurnaliżmu u li hu wieħed mill-grupp ta’ voluntiera li jgħinuh fl-organizazzjoni tal-attivitajiet komunitarji, b’George jgħid li fid-dinja, kollox hu possibbli. Alvin sadattant qal li kien lest li jżomm lil Estuardo miegħu għal tlett xhur biex jiffamiljarizza ruħu man-natura tax-xogħol, wara li l-professur Carmel Agius, preżenti wkoll waqt iż-żjara ta` CVC Media fil-Gwatemala, stqarr li kien se jaħdem sabiex isib qlub generużi Maltin li jkopru l-ispejjeż involuti. U fil-fatt, persuna Maltija aċċettat li tħallaslu kollox, il-passaġġ u anke fejn joqgħod, u fl-istess waqt ma riditx turi isimha.

Dan kien f’Marzu li għadda, u tmien xhur wara, Estuardo qasam nofs il-globu u wasal Għawdex biex jum wara l-ieħor, seta’ josserva u jitgħallem. Eventwalment, beda jagħti s-sehem attiv tiegħu waqt il-produzzjoni tal-programmi televiżivi Għawdex Illum, Malta u lil ħinn minnha, SportGħawdex u GFA RoundUp. Beda josserva d-diversi ħidmiet li titlob produzzjoni televiżiva. M’hemmx għalfejn ngħidu, filwaqt li l-kollegi tiegħu l-Għawdxin bdew ilissnu xi kelma bl-Ispanjol, Estuardo tfarfar sew fil-lingwa Ingliża, fejn sa xahrejn ilu ma kienx jaf ilissen kelma bl-Ingliż.

Din l-esperjenża tiegħu ’l bogħod minn pajjiżu tkompliet tikber meta ftit tal-ġranet wara, Alvin għażel lil Estuardo biex ikun wieħed mit-tliet membri tal-crew ta’ CVC Media li żaru l-Italja ta’ Fuq sabiex jipproduċi servizzi televiżivi minn hemm. Għal dan iż-żagħżugħ, Venezja, Bergamo, ċentri sbieħ rurali bħal Colle Umberto u d-Dolomiti kienu ħolma li llum tagħha baqgħalu biss tifkiriet.

“Kienet sorpriża tiegħi li nżur l-Italja. Fl-opinjoni tiegħi l-Ewropa hi kollha l-istess, fejn anke l-ikel Taljan hu simili bħal dak ta’ Malta. Iżda nammetti li l-muntanji Alpi affaxxinawni u bqajt imbellaħ bil-ġmiel tagħhom. Fil-Gwatemala hemm muntanji, għalkemm hemm iżjed vulkani minn muntanji, iżda qatt ma rajt silġ f’ħajti u lanqas qatt ħassejt dik il-kesħa fina li ħassejt hemm.”

Alvin ma' Dun Anton Grech
Alvin ma' Dun Anton Grech

Dan għaliex f`pajjiżu, Estuardo qatt ma għex f’temperatura taħt it-30 grad! “Anke l-kanali ta` Venezja, il-knejjes u l-palazzi kbar u sbieħ, ukoll ħallew timbru indelibbli f’moħħi” kompla  Estuardo.

Dan iż-żagħżugħ qalli li din l-esperjenza hi waħda sabiħa mmens għalih, “iżda l-akbar esperjenza tiegħi kienet li ltqajt ma’ familja ġdida f’Għawdex għax Alvin għalija mhux ‘boss’ iżda hu t-tieni missier tiegħi bħalma martu Margaret hi t-tieni omm tiegħi. Għalkemm xorta għallimni affarijiet ġodda.” Fil-fatt kemm ilu Għawdex, Estuardo irnexxielu jiltaqa wkoll mal-president ta’ Malta, il-Ministru għal Għawdex u anke l-isqof Mario Grech.

Il-Gwatemala hi msemmija għall-ħajja kriminali tagħha għax anke wara 19-il sena minn meta ntemmet il-gwerra ċivili tant imdemmija li kellhom, il-poplu għad għandu wisq armi għad-diżpożizzjoni tiegħu, iżda Estuardo qalli li fix-xogħol tiegħu m’għandux problemi ma’ kriminali.

Estuardo fl-akbar esperjenza tiegħu fl-Alpi
Estuardo fl-akbar esperjenza tiegħu fl-Alpi

Qalli wkoll li dawn it-tliet xhur ħass ħafna n-nuqqas ta’ bintu u martu, “iżda l-familja tiegħi għenitni ħafna biex nieħu din l-esperjenza u lil marti u binti nkellimhom kuljum permezz ta’ Skype.”

Mart Estuardo, Abigail qed tistudja għal avukat, iżda hu għandu xewqa li jiġi bil-familja jgħix Għawdex, “għax Għawdex hawn ħajja komda u trankwilla, bi ftit traffiku u ħafna kampanja. Għawdex inqisu bħala pajjiżi.”

Il-fatt hu li Dun Anton żgur mhux se jieħu gost jekk Estuardo jiġi jgħix Għawdex għax hu bagħtu biex jirbaħ l-esperjenza u jużaha hemmhekk u mhux biex jitlaqlu.

Anke dawn il-granet tal-Milied mistennija jissarfu f’esperjenża sabiħa. Jista’ jkun li aħna drajna naraw it-tiżjin u l-presepji waqt li nisimgħu l-għanjiet tal-Milied. Estuardo gej minn kultura oħra fejn il-Milied jigi ċċelebrat mingħajr il-kwantitajiet ta’ dwal tal-festa, ikliet li ma jispiċċaw qatt, u kunċerti ta’ livell. Estuardo qalli li l-aktar ħaġa li laqtitu huma l-korijiet.

Iż-żmien itir u f’anqas minn xahar, Estuardo Franco se jkollu jħallina. Sadanittant, Estuardo xtaq li jwassal messaġġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex permezz tal-familja ta’ Dun Anton u persuni oħra bħall-Professur Agius u oħrajn, jinġabru madwar €100,000 biex ikun jista’ jitwaqqaf l-istazzjon televiżiv fil-Gwatemala. Qabel sellimtlu sab ħin jgħidli xi kliem li tgħallem bil-Malti...IWA...SEWWA....U MELA....GRAZZI ĦAFNA.

 

 

More in G?awdex